Sant jakkuża lill-MEPs tal-PN li vvutaw biex Malta ma tibqax tiddeċiedi t-taxxa tagħha

Jerġa' jisħaq li mal-MEPs Nazzjonalisti se jimxi 'għajn għal għajn u sinna għal sinna'

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u l-kandidat Alfred Sant saħaq li l-Partit Nazzjonalista ta l-oppoġġ tiegħu lill-Manfred Weber, il-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Partit Popolari Ewropew, biex ineħħi l-politika tal-unanimità fil-Kunsill Ewropew dwar il-politika tat-tassazzjoni tal-istati membri.

Fil-leġislatura li għadda, kompla jisħaq Sant, Casa, Metsola u Zammit Dimech qablu u vvutaw favur din il-proposta.

Sant qal dan waqt attività politika fil-Mosta saħaq li l-vot tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti għall-proposta ta’ Weber tkisser il-kompetittività fil-politika tat-tassazzjoni ta’ pajjiżna u li fi kliemu ġibdet lejn Malta operaturi tas-servizzi finanzjarji li jħaddmu bejniethom aktar minn 20,000 impjegat.

Intant, il-Partit Nazzjonalista, tul din il-kampanja, ma waqafx jakkuża lill-Partit Laburista li qed jappoġġja lis-Soċjalisti u lill-kandidat tagħhom Frans Timmermans li jrid taxxa komuni ta’ taxxa, dik ta’ 18%, għall-kumpaniji kollha madwar l-Unjoni Ewropea.

“Inuti jinfexxu jgħajruni personalment għax kxifthom li ivvutaw vvutaw li għandha titneħħa  l-unanimità biex tkun deċiża l-politika tat-tassazzjoni fl-UE. Fir-records tal-Parlament Ewropew hemm miktub bl-iswed fuq l-abjad li dawn it-tliet MEP ivvutaw favur il-linja tal-Kap tal-PPE. Dan għamluh fit-13 ta’ Diċembru 2017.  Ma jistgħux jiċħduh dan,” insista Sant.

Huwa insista li jekk ikollu l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjonijiet Ewropej, ikompli jipproteġi l-interessi sovrani ta’ Malta u Għawdex fil-Parlament Ewropew.

“Se nagħmel ħilti kollha biex  Malta ma toqgħodx għal  deċiżjonijiet sfurzati fuq il-politika tat-tassazzjoni.  Ninsab determinat li jekk l-MEPs Nazzjonalisti jerġgħu jaħdmu kontra l-interessi ta’ Malta se nimxi magħhom bl-għajta bibblika Għajn għal għajn, sinna għal sinna,” tenna Sant.

More in Politika