'L-attentat tas-Soċjalisti jagħti daqqa ta' ħarta lill-eluf ta' ħaddiema f'Malta'

Peter Agius u Frank Psaila jinsistu li l-Partit Laburista Malti ma kienx kapaċi jbiddel il-manifest tas-Soċjalisti

Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius u Frank Psaila saħqu li jekk tgħaddi tas-Soċjalisti Ewropew u ssir l-armonizzazzjoni tat-taxxa għall-kumpaniji, din tkun tfisser daqqa ta’ ħarta għall-ekonomija Maltija u għal eluf ta’ ħaddiema.

Din hija tema li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jisħaq fuqha tul kampanja sħiħa li issa qed tilħaq il-qofol tagħha u reġgħet kienet is-suġġett ta’ konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu.

Il-kandidat Peter Agius saħaq li wara dak imniżżel fil-manifest elettorali tal-Partit Soċjalista Ewropew, issa l-kandidat tagħhom għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, ikkonferma li jrid rata ta’ taxxa ta’ 18% madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Insista li dan ikun ifisser daqqa ta’ ħarta għall-industrija tas-servizzi f’Malta li timpjega magħha madwar 27,000 persuna u tilqa’ fiha madwar 600 student li jtemmu l-istudji tagħhom kull sena.

“Aħna l-Maltin nafu l-bżonnijiet tagħna. Mhux se naċċettaw li s-soċjalisti jimponu fuqna rata ta’ taxxa. Għandu jkollna d-dover li niddefendu dan id-dritt,” saħaq Agius.

Kien hawn li saħaq li filwaqt li l-pagi baqgħu baxxi f’diversi setturi, l-istatistiċi juru kif il-pagi f’Malta żdiedu biss fl-oqsma tas-servizzi u l-gaming waqt li faħħar gvernijiet Nazzjonalisti li permezz ta’ “liġijiet serji,” attira mijiet ta’ kumpaniji f’Malta.

“Jiddispjaċini li kollegi minn partiti oħra kellhom iċ-ċans li jbiddlu l-fehma tas-Soċjalisti u ma għamlu xejn,” insista Agius waqt li insista li l-għażla fil-25 ta’ Ġunju hija bejn min jitkellem, jiddeċiedi u jikkonvinċi u min ma kienx kapaċi jbiddel manifest tal-partit tiegħu stess.

Tal-istess fehma kien il-kandidat Frank Psaila li insista li “l-attentat” li qed isir mis-Soċjalisti jolqot direttament ix-xogħol ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin.

Kien għalhekk li saħaq li l-għażla fil-25 ta’ Mejju hija bejn żewġ programmi elettorali. Dak tas-soċjalisti li jrid l-armonizzazzjoni, u dak tal-Partit Popolari Ewropew li jiddefendi s-sistema ta’ taxxa u jrid li din tkun waħda kompetittiva.

More in Politika