May u Corbyn se jagħlqu t-taħdidiet dwar Brexit ... l-ebda ftehim milħuq

Intant fil-jiem li ġejjin May mistenni tħabbar meta se tkun qed tħalli Downing Street biex postha bħala Prim Ministru jieħdu ħaddieħor

Wara sitt ġimgħat, il-Prim Ministru Ingliż Theresa May u l-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn mistennija jagħlqu t-taħdidiet tagħhom dwar Brexit mingħajr ma ntlaħaq ftehim.

May u Corbyn mistenna jiddiskutu dawk l-għażliet li se jpoġġu quddiem il-Parlament, bil-għan li jkun jista’ jintlaħaq ftehim fost il-membri parlamentari għat-triq ‘il quddiem.

Intant, Theresa May wiegħdet li se tkun qed tippjana għall-elezzjoni tas-suċċessur tagħha u għalhekk il-jum li fih se tkun qed tħalli Downing Street bħala Prim Ministru.

Qed jissemmew diversi ismijiet, b’Boris Johnson, li kien ikkampanja favur Brexit, ikun l-aħħar minn sensiela ta’ Membri Parlamentari li kkonferma li se jikkontesta.

Ir-Renju Unit kellu jħalli l-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu iżda l-ġurnata tat-tluq kellha tkun estiża sal-21 ta’ Ottubru hekk kif il-Parlament Ingliż ivvota għal tliet darbiet kontra l-ftehim li May innegozjat mal-Unjoni Ewropea.

More in Politika