'Ejja fuq Xarabank, jien hemm se nkun u se nistennik' - Delia lil Muscat

Adrian Delia jisħaq li l-pajjiż reġa' għandu bżonn jiġġieled il-battalja ta' 30 sena ilu għax-xogħol, il-ġustizzja u l-libertà

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex għada jattendi għad-dibattitu waqt Xarabank biex jitkellmu u jwieġbu l-mistoqsijiet, inkluż fuq il-kwistjoni tal-abort.

“Ejja fuq Xarabank. Jien se nkun hemm. Jien se nistennik,” saħaq Adrian Delia.

Huwa qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika f’Birkirkara, ir-raħal fejn trabba u kien xi ftit jew wisq nostalġiku fid-diskors tiegħu għax fi kliemu, f’dawk it-toroq, hu u sħabu żgħażagħ kienu ngħaqdu wara l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami “fil-ġlieda” għax-xogħol, il-ġustizzja u l-libertà, aktar minn 30 sena ilu.

“Meta lbisna l-blazers il-blu ta’ San Alwiġi madbulna l-ġebel ... Dawn huma t-toroq fejn iġġelidna għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għall-ġustizzja u għal-libertà,” saħaq Delia.

Kien hawn li insista ma’ dawk preżenti li l-istorja tirrepeti ruħha waqt li insista li l-pajjiż illum jeħtieġ jagħmel l-istess “battalji.”

'Il-Gvern irid jeqred il-futur taż-żgħażagħ'

Beda jitkellem dwar ix-xogħol u tkellem fit-tul dwar il-proposta tal-Partit Soċjalista Ewropej li jrid l-armonizzazzjoni tat-taxxa għall-kumpaniji. Irrefera għal dak li qal il-kandidat tas-Soċjalisti għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, meta lbieraħ qal li l-Ewropa kollha għandu jkollha minimu ta’ 18% taxxa għall-kumpaniji.

“Din tkun dettrimentali għal pajjiżna,” saħaq Delia waqt li insista li l-Gvern irid jeqred is-settur finanzjarju u diversi setturi oħra li ġabu lejn Malta Gvernijiet Nazzjonalisti.

Insista li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti se jkunu qed jaħdmu biex jikkonvinċu u jipperswadu lill-Ewropa li l-armonizzazzjoni tat-taxxa hija kontra Malta.

“Ma nistgħux nilagħbu max-xogħlijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dan il-Gvern irid jeqirdilhom il-futur tagħhom,” insista Delia.

'Dawn l-affarijiet isiru f'pajjiżi dittatorjali'

Għadda biex jitkellem fuq il-ġustizzja u insista li l-ġlieda li jrid jagħmel il-pajjiż illum hija kontra min ħataf l-istituzzjonijiet u fi kliemu ħoloq żbilanċ politiku li qatt ma kien hawn bħalu.

“Mhux aċċettabbli li tkun se ssir diskussjoni fil-Parlament u jqum filgħodu l-Prim Ministru u jiddeċiedi li jaġġorna l-Parlament,” insista l-Kap Nazzjonalista waqt li saħaq li dawn l-affarijiet isiru biss f’pajjiżi dittatorjali.

'Fl-1,400 paġna ta' Egrant hemm fatti li ma jaqblux għal widnejn il-Labour'

L-istess saħaq meta tkellem fuq il-libertà, fosthom dik tal-espressjoni waqt li insista li l-Prim Ministru, “minkejja dak li qalet il-Qorti,” xorta għażel li jżomm ir-rapport mistur.

Kien hawn li saħaq li Joseph Muscat qed iżommu mistur għax għandu x’jaħbi. “Hemm fatti li ma jaqblux għal widnejn il-Partit Laburista,” kompla Delia. “Hemm iż-żamma tal-libertà, hemm il-ħakma tal-poter, hemm dak li intom għandkom bi dritt li tkunu tafu,” insista għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

'Mhux aħna se nagħfu l-panic button'

Kompla jisħaq dwar il-libertà u inisista li ħadd mhu se jżomm lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem fuq l-abort.

Insista li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jitkellem u jikkonvinċi u saħaq li meta “jibdew jisimgħu ikun ħaddieħor li jagħfas il-buttuna tal-paniku.”

L-istess dwar il-kanċer. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jżomm il-libertà li jitkellem dwar il-kanċer.

“Ejja ningħaqdu bħala poplu mhux biex niġġieldu l-għajnejn u s-snin ta’ xulxin, iżda niġġieldu l-kanċer u mard ieħor ... Ejja nagħtu eżempju li dan il-pajjiż kapaċi jinża l-politika partiġġjana u jingħaqad bħala poplu biex nirbħu, mhux kontra xulxin, iżda għal xulxin,” temm jisħaq il-Kap Nazzjonalista.

‘Il-PN għandu raġun jitkellem fuq il-ġlieda kontra l-kanċer’

Matul l-attività tkellmet ukoll Desiree Vella Brincat, it-tifla tal-eks kunsilliera Nazzjonalista Evelyn Vella Brincat li tilfet il-battalja tal-kanċer ftit tax-xhur ilu wara tlettax-il sena.

Hija ddefendiet il-messaġġ u għalhekk il-billboard tal-Partit Nazzjonalista u insistiet li għandu raġun il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar “il-ġlieda” kontra l-kanċer.

Ħeġġet lill-votanti biex jagħtu sapport lill-Partit Nazzjonalista li ressaq għadd ta’ proposti għall-ġlieda kontra l-kanċer, li dwarhom tul din l-attività tkellem dwarhom ukoll il-kandidat Francis Zammit Dimech.

Vell Brincat tkellmet ukoll fuq il-fatt li ħafna pazjenti morda bil-kanċer ma jistgħux jaffordjaw il-mediċina kollha li jkollhom bżonn u għalhekk, fi kliemha, il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma importanti.

Tul l-attività tkellmu wkoll id-Deputata Marthese Portelli u l-kandidati Peter Agius u Michael Briguglio li mhux biss tkellmu dwar l-importanza tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew iżda saħqu wkoll li hemm bżonn li l-kunsill lokali ta’ Birkirkara jerġa’ jkun immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, li jkun kapaċi joffri pjan għal din il-lokalità.

More in Politika