'Il-paga medja żdiedet aktar mill-għoli tal-ħajja ... in-nies b'saħħa ikbar ta' flus' - Muscat

Joseph Muscat f'appell imqanqal buex il-poplu jmur jivvota bi ħġaru ...

Il-PM Joseph Muscat f'Raħal Ġdid
Il-PM Joseph Muscat f'Raħal Ġdid

Meta kien qed jitkellem ilejla f'Raħal Ġdid il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-paga medja żdiedet u żdiedet aktar mill-prezzijiet "u allura n-nies għandhom iktar saħħa biex jonfqu. Biżżejjed?" staqsa Muscat. "Qatt mhu biżżejjed. Aħna qatt mhu se ngħidulkom li wasalna, imma ngħidulkom li naqas il-faqar. L-għan tagħna huwa li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jsiru sinjuri żgħar," saħaq. L-istqarrija li l-Maltin jeħtieġ isiru 'sinjuri żgħar' diġa għamilha darb'oħra waqt din il-kampanja

Akkuża lill-Gvern Nazzjonalista illi ħalla l-paga minima taqa' lura u "neħħa s-saħħa tagħha ... imma Gvern Laburista reġa taha s-saħħa." Filwaqt li ammetta li mhux biżżejjed, ippunta subgħajh lejn Gvern Nazzjonalista għall-fatt li l-paga minima tilfet ħafna mis-saħħa. "Ma nistgħux noqgħodu nistennew lill-PL ikun fil-Gvern biex tiżdied il-paga minima u allura aħna rbatna lil gvernijiet tal-futur biex kull ħames snin tiżdied wara li jsiru l-istudji neċessarji." 

Muscat qal li l-istess storja ġrat fil-pensjonijiet. "Sibna pensjoni illi fejn qabel in-nanniet jgħinu lill-uliedhom, l-ulied kienu qed jgħinu lin-nanniet. Jogħla l-gass, jasallek il-kont tad-dawl ... aħna qed inbiddlu l-pensjoni f'waħda li biha l-anzjani jistgħu jgħixu suriet in-nies."

Hu qal illi dan il-gvern qed jasal fid-djar, qlub u mħuħ tan-nies għax, skontu, jaf x'inhu importanti għal kull familja Maltija. "Jiena nagħmel parti mill-ġenerazzjoni ta' nies li raw lill-uliedhom jitilqu mill-iskola u jidħlu l-Università," sostna Muscat li qal illi dan ġara grazzi għall-politika Laburista tal-gvernijiet ta' Mintoff. "Uliedna issa jridu jitilgħu ferm u ferm iktar minna," qal Muscat li fakkar illi s-suċċess tkejlu bl-iskola imma wkoll bil-kapaċitajiet u bl-aspirazzjonijet tal-mobilità soċjali.

Muscat temm jgħid illi wasal iż-żmien biex il-poplu jiġġudika bejn min, skontu, jaħdem u min jimmina lil pajjiżna. "Aħna ma ġejniex idejna vojta u nivvintaw l-iskużi. Aħna għamilna ħafna, imma biex nagħmlu iktar u tħeġġuna nkomplu jeħtieġ tużaw l-arma tal-vot," saħaq Muscat. "Biex nagħtu aktar irridu sinjal ta' fiduċja. Li qed nitlobkom jiena personalment huwa li terġgħu tkunu miegħi u ma' dan il-moviment għal viżjoni tagħna, biex nuru verament li Malta hija f'qalbna."

'Il-buttuna tal-paniku nħalluha fgħal Delia' - Chris Cardona

Intant meta kien qed jitkellem id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona qal li l-poplu qed jgħid lil Muscat illi l-buttuna tal-paniku "inħalluha f'idejn Adrian Delia. Dawn għandhom il-kandidat stilla, David Casa, qiegħed mal-mexxejja kollha tal-PN ħlief lil Delia, mhux ta' b'xejn jagħfsu l-buttuna tal-paniku" qal Cardona. 

Dawwar ħasrtu u qal illi "imbagħad għandek il-paladin ta' Raħal Ġdid, Jason Azzopardi," għall-kummenti u bbuwjar minn dawk preżenti. Jinsisti illi l-vera biki tal-kukkudrilli jibkuh dawk li "jitilfu elezzjoni wara oħra wara oħra," f'referenza għall-kumment ta' Azzopardi li Muscat qed jilgħabha tal-vittma fuq il-kwistjoni Egrant. 

Hu temm jgħid illi Muscat huwa role model li ż-żgħażagħ jammiraw.

In-nies isegwu ilejla, f'Raħal Ġdid
In-nies isegwu ilejla, f'Raħal Ġdid

 

 

More in Politika