Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Il-pajjiż jeħtieġ jara x'tip ta' ħaddiema jrid jattira' - Psaila

Frank Psaila insista li għall-kuntrarju tal-lum, il-PN kien jattira ħaddiema barranin li ġabu magħhom valur miżjud

Yendrick Cioffi / 16 ta' Mejju 2019 12:42
Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila saħaq li l-pajjiż jeħtieġ pjan fit-tul biex jara x'oqsma ġodda jrid joħloq u x'ħaddiema jrid jattira.

Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-immigrazzjoni, indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Carm Mifsud Bonnici u l-kandidata Roberta Metsola.

Psaila saħaq li l-ħaddiema li qed jimporta l-Gvern qed iżommu l-pagi tal-Maltin baxxi u kien għalhekk li appella lill-Gvern biex iħares fit-tul u jara x'impatt se jkollhom il-ħaddiema barranin fuq il-Maltin.

"Il-Partit Nazzjonalista ġab ħaddiema barranin li fissru valur miżjud," saħaq Psaila. "Dan mhux dak li qed naraw illum."

Min-naħa tagħha, il-kandidata Roberta Metsola tkellmet dwar il-liġi li ħadmet fuqha biex l-Unjoni Ewropea tilqa' għall-isfida tal-immigrazzjoni u li fi kliemha se tfisser aktar sigurtà għall-Malta u l-istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea.

Insistiet li l-Ewropa trid tkun ġusta ma' min ħaqqu l-protezzjoni, iebsa ma' min ma ħaqqux dan id-dritt u b'saħħitha kontra dawk li jabbuża minn persuni vulnerabbli.

Tal-istess fehma kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni Mifsud Bonnici li insista kif il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien bilanċjat u moderat u hekk se jibqa', jiġifieri li jħares id-drittijiet fundamentali ta' kull persuna, jagħti kull għajnuna lil min ħaqqu bżonn il-protezzjoni iżda jassigura li min ma ħaqqux il-protezzjoni jintbagħat lura b'mod sigur.

"Vot għall-Partit Nazzjonalista huwa vot favur soluzzjoni għall-problema tal-immigrazzjoni," saħaq Mifsud Bonnici.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook