'Muscat qed jammetti li l-ħaddiema tal-Gvern, inkluż hu, mhux ilaħħqu mal-ħajja'

Delia jgħid li lanqas il-Gvern stess ma jaf x'sar mis-surplus

F’Jum il-Familja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddedika d-diskors tiegħu biex jisħaq kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmel il-ħajja tal-familji aħjar, waqt li saħaq li Muscat stess qed jammetti li l-ħaddiema mhux ilaħħqu mal-ħajja.

Delia qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta, bil-Kap Nazzjonalista jisħaq li Gvern li ma jassigurax li kull persuna f’Malta jkollha d-dinjità ta’ saqaf fuq rasha jkun arroganti.

Kien għalhekk li insista li mil-lum ‘il quddiem il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun qed jipproponi, iżda se jagħti garanzija u jassigura li kull persuna f’Malta u Għawdex ikollha saqaf fuq rasha.

Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista, anke mill-Ewropa ħadem biex joffri ħajja aħjar lill-familji kollha “ta’ kull tip,” li ddeskrivihom bħala l-pedament tas-soċjetà Maltija.        

'Lanqas il-Gvern ma jaf x'sar mis-surplus'

Insista li minkejja ċ-ċifri u n-numru li qed jagħti l-Gvern, ir-realtajiet li qed jiltaqgħu magħhom meta jmorru jduru d-djar tan-nies huma differenti ħafna, għax fi kliemu lanqas il-Gvern stess ma jaf x’sar mis-surplus.

Kien hawn li appella lill-Gvern biex ix-xogħol li joħloq ikun ta’ kwalità waqt li tenna li l-Gvern qed jimporta l-iskjavitù u qed jagħfas ‘l isfel dak li qed jaqilgħu ż-żgħażagħ u l-ħaddiema.

Irrefera għall-kummenti tal-Prim Ministru u saħaq li Muscat qal li ma jimpurtax jekk ħaddiema tal-Gvern jiskartaw għax jagħmlu hekk biex jaħdmu part-time job.

“B’din l-istqarrija qed jgħidilna li l-ħaddiema tal-Gvern, inkluż hu, mhux qed ilaħħqu mal-ħajja,” insista Delia. “Aħna rridu xogħol tajjeb u ħin biżżejjed ta’ kwalità mal-familja.”

'Nagħtu garanzija li n-nisa jitħallsu daqs l-irġiel'

Kien hawn li rrefera għad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja, liġi li ħadem fuqha David Casa u staqsa lill-Gvern jekk issa, li qed jgħid li se jwettaq dak li diġà kisbu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, hux se jkun lest li jdaħħal dawn il-liġijiet f’Malta “llum qabel għada.”

Tkellem dwar iż-żgħażagħ li qed jiefqu kmieni jistudjaw u saħaq li ħafna qed jagħmlu hekk biex ikunu jistgħu jaħdmu forsi jixtru post.

Għadda biex jitkellem dwar in-nisa fid-dinja tax-xogħol u kkwota statistiċi li fi kliemu juru kif bejn l-2011 u din is-sena, id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u nisa  żdiedet minn 7.7% għal 12.2%.

“Nagħtu garanzija min issa li l-Partit Nazzjonalista jara u jirsisti biex nagħtu ċertezza li l-ħaddiema nisa jitħallsu l-istess bħall-irġiel. Aħna mhux slogans irridu. In-nisa jridu l-ugwaljanza vera. Jekk kull raġel jaqla’ lira, mara għandha taqla’ lira,” insista Delia.

Jerġa' jisħaq li l-poplu jrid jagħżel jekk hux favur jew kontra l-abort

Ma naqasx milli jitkellem dwar il-kwistjoni tal-abort u reġa’ insista li l-poplu jrid jagħżel jekk hux favur jew kontra l-abort.

Insista li minkejja li l-Gvern qed jipprova jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni meta aġġorna l-Parlament bla diskussjoni, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem “f’kull imkien li jsib.”

Temm jisħaq li minkejja li l-Gvern ma jridx li l-Oppożizzjoni titkellem dwar il-kanċer, il-Partit Nazzjonalista, anke jekk mgħajjar, se jibqa’ jitkellem mhux biss fuq il-kanċer iżda fuq kull kundizzjoni waqt li rrefera għall-20 proposta li l-Partit Nazzjonalista nieda llum dwar id-dijabete.

‘Aħna ma noffrux karozzi u vjaġġi lejn Dubaj imma...’ – David Casa

Tul l-attività tkellem ukoll l-Ewroparlamentari u l-kandidat David Casa li insista li l-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista vvutaw 16-il darba favur l-abort.

Insista li l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista ma jistgħux joffru karozzi u vjaġġi lejn Dubaj, iżda jistgħu joffru lil Maltin il-protezzjoni u li jkomplu jaħdmu biex l-istituzzjonijiet f’Malta jiddefendu lill-poplu u mhux “lill-kriminali li jinsabu f’Kastilja.”

Qal li bħalma l-poplu Malta ntebaħ meta s-sewwa ma kinitx tirrenja f’Malta, jemmen li hekk se jerġgħu jagħmlu.

“Il-mument se jasal li d-demokrazija terġa’ tirbaħ u jekk Alla jrid dan mhux ‘il bogħod,” saħaq Casa.

Tal-istess fehma kien il-kandidat Dione Borg li tkellem fost l-oħrajn dwar l-abort u saħaq li ħadd ma jemmen li l-Partit Laburista mhux se jdaħħal l-abort, għax ma kienx kapaċi jbiddel il-manifest tal-Partit Soċjalista Ewropej u spiċċa biex approvah.

Aqra wkoll x'qal id-Deputat Jason Azzopardi dwar Egrant

More in Politika