Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Ejja nagħtu sinjal lil min jaħdem kontra Malta, f'kull nifs li jieħu' - Muscat

Il-Prim Ministru jappella biex nhar is-Sibt 25 ta' Mejju jingħata sinjal kontra min 'għamilha l-missjoni tiegħu li jimmina lil pajjiżna'

Albert Gauci Cunningham / 15 ta' Mejju 2019 19:46
Joseph Muscat ilejla f'Ħaż Żabbar
Meta kien qed jitkellem ilejla f'Ħaż Żabbar il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat għamel paragun bejn investituri Maltin li qed jagħmlu isem tajjeb lil Malta ma' dawk li "qed jitħallsu minn flus il-poplu u li għamluha l-missjoni tagħhom li jimminaw lil pajjiżna. Irridu nirrigrazzjaw lil dawk li jħossu illi huwa d-dover tagħhom li jagħmlu l-ġid lil pajjiżna."

"Għalhekk," qal Muscat nhar il-25 ta' Mejju rridu naraw kif ngħaddu sinjal kemm lil dawk li qed jagħmlulna isem tajjeb imma anke lil min "messu jaf aħjar, lil min kull nifs li jieħu jaħdem kontra pajjiżna. Il-poplu Malti u Għawdxi jinsab diżgustat kief l-MEPs tal-PN lesti jaqtgħu mneħrihom biex jinku lil ta kontriehom." 

Sal-aħħar tas-sena l-iskola Barts f'Għawdex tkun lesta

Hu semma' l-proġett tal-iskola ta' Barts u sostna illi sal-aħħar tas-sena din se tkun lesta u "l-ebda ċenteżmu mhu se jkun ħarġu l-Gvern." 

Muscat semma' kif dak ta' Għawdex se jkun kampus Mediterranju, Ewropew u internazzjonali għall-Iskola Medika ta' Barts. "Illum mhux f'Malta imma f'Għawdex għandna skola medika fi proġett li se jara l-immodernizzar tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'investiment barrani li se jibnielna sptar u skola u Barts. U min se jgawdi? Il-Maltin u l-Għawdxin kollha," saħaq il-Prim Ministru.  

Hu sejjaħ "insult" li l-PN ma ħariġx biżżejjed kandidati għall-elezzjoni lokali ta' diversi postijiet. 

'PN maqtugħ minn man-nies'

Muscat assigura lin-nies tax-Xgħajra li mhux vera se jinbnew torrijiet fuq art riklamata u akkuża lill-PN illi m'għanduix argumenti. U hawnhekk semma l-insensittività tal-PN, "tant hu maqtugħ minn man-nies. Tant huma darhom mal-ħajt li ħarġu b'gidba li ħolqu b'dokumenti ffalsifikati." Huwa qal illi waslet elezzjoni oħra u reġgħu qed jużaw il-kwistjoni Egrant kontrieh. 

Għalaq id-diskors jħeġġeġ lin-nies biex joħorġu jivvutaw nhar il-25 ta' Mejju fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

'Il-kwistjoni tal-kirjet hija kruċjali' - Alfred Sant

Meta kien qed jindirizza in-nies preżenti l-Kandidat u eks Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant qal illi taħt il-PM Joseph Muscat qed jinħoloq ħafna ġid u dak il-ġid qed jinfirex b'mod tajjeb. 

"Qed inħabbat il-bibien u tinduna iva li hemm ċerta biżgħat sforz is-suċċess," jgħid Sant. Semma każ f'Tas Sliema ta' koppja pensjonanti li mar għandhom u li qed ikollhom problemi kbar ta' konsenturi minħabba xogħol ta' kostruzzjoni maġenbhom. "Mort il-Kottonera, pensjonanti wkoll, li qed jibżgħu illi l-kera se tiżdied.." Sant ħeġġeġ lill-Gvern biex jitratta l-problema tal-kirjjet għax din hija "kruċjali". 

Dwar l-MEPs qal illi fi Brussell l-MEPs Maltin kienu mifrudin għax, skontu, kien hemm min kien qed ixewwex, "skandlu konna fi Brussel għax aħna biss ma konniex naqblu bejnietna."

Huwa qal illi kien hemm min qed jisqi l-velenu u staqsa jekk irridux inħallu min "ikompli min ixerred il-velenu." 

"Wara l-kampanja jerġa jibda x-xogħol u  Malta tinnomina l-Kummissarju Ewropew l-ġdid. Persuna li tgħaddi mill-għarbiel u għalhekk nistaqsi għal li ġej;  il-PN se jieħdu l-impenn li jappoġġjaw lill-Kummissarju l-ġdid bħal ma konna nagħmlu aħna? U allura jekk ma jgħidu xejn jiena ngħidilkom li le, m'għandhomx dritt jirrappreżentawna."

'L-MEPs Nazzjonalisti vvutaw bi ħdura kontra Malta' - Silvio Schmebri

Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri li qal illi sitt snin ilu d-dejn kien splodut, kien hawn problema tax-xogħol, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu għoljin. "Kull meta mmorru barra nġibu aktar xogħol, raħħasna l-kontijiet, beda jinħoloq aktar ġid, bdejna naħdmu biex din il-mewġa ekonomika ma tkunx ta' darba. Għalhekk qed naraw li nkunu kreattivi," sostna Schembri f'diskors enerġetiku.  

Għamel elenku ta' industriji ġodda li attira lejn Malta dan il-Gvern, fosthom, l-iżvilupp tal-logħob, intelliġenza artifiċjali, blockchain u aktar. 

Huwa akkuża lill-MEPs tal-PN illi "bi ħdura ivvutaw kontra f'Malta fil-qasam tat-tassazzjoni." Hu kien qed jirreferi għal vot fuq emenda li tneħħi l-unanimita fuq kwistjonijiet ta' trassazzjoni. Il-PN kien qal illi l-MEPs tiegħu kienu vvutaw kontra r-rapport kollu u allura l-kritika tal-PL ma tiswiex. 

"F'Ġunju ta' sentejn ilu ġejna quddiemkom u llum qed nerġgħu niġu quddiemkom u m'aħniex nibżgħu mill-ġudizzju tagħkom," sostna Schembri għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti.  

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook