Aġġornata | 'Mhux aħjar tniżżluh minn hemm dak il-billboard?' ... il-PN jispjega

Persuna tkellem lil dan is-sit u tipprotesta kontra l-użu tal-kanċer f'messaġġi politiċi ... il-Partit Nazzjonalista iżda jispjega għalfejn tella' l-billboard partikolari u l-messaġġ warajh

Il-billboard tal-PN
Il-billboard tal-PN

Il-PN tella' billboard dwar il-kanċer iżda jidher li mhux kulħadd ħa pjaċir bih, anzi hemm min qed isostni li qed iweġġa. Bosta qed jisħqu fuq il-midja soċjali li l-billboard huwa insensittiv hekk kif qed jippolitiċizza marda bħal kanċer. 

Persuna li tkellemt ma' dan is-sit u li kellha l-marda tal-kanċer sostniet illi filwaqt li tapprezza ħafna l-proposti tal-PN dwar is-suġġett, ħassitha mweġġa meta rat il-billboard. "Xħin rajtu ħassejt qalbi tieqaf, għall-bidu lanqas indunajt li kien billboard politiku. Mhux aħjar iżżommu l-kanċer l-bogħod mill-politika? Mhux aħjar tniżżluh minn hemm dan il-billboard?" staqsiet din il-mara li xtaqet tibqa' anoninima. 

Kelliem tal-Partit Nazzjonalsita qal lil dan is-sit iżda illi l-messaġġ tal-PN bl-ebda mod ma xtaq illi jweġġa lil ħadd u li l-mesaġġ tiegħu kien immirat lejn l-investiment f'dan il-qasam u l-proposti tal-PN dwar l-istess marda. 

Fil-fatt fakkar illi l-PN ressaq masterplan dwar il-kanċer. Il-Kelliem għas-Saħħa tal-PN sostna li l-PN diġà ppreżenta dokument bi 30 proposta biex insahħħu l-ġlieda kontra l-kanċer li kien jinkludi aspetti relatati mal-prevenzjoni, l-kura u l-governanza.

"Il-Partit Nazzjonalista se jieħu dawn il-proposti fuq livell Ewropej permezz ta' master plan Ewropew tal-kanċer. Dan il-pjan jinkludi strateġija Ewropea biex intejbu b'mod qawwi l-prevenzjoni, strateġija biex intejbu dijanjożi tal-kanċer fi stadju bikri, niffaċilitaw skambju ta' informazzjoni bejn ċentri għar-riċerka u tas-saħħa madwar l-Ewropa billi nagħmlu użu mill għodda diġitali filwaqt li nassiguraw privatezza tal-pazjenti, naċċertaw l-ogħla livell fiċ-ċentri tal-kura tal-kanċer, u ngħinu aktar lill-pazjenti kemm waqt it-terapija kif ukoll wara li jegħlbu l-kanċer."

 

 

 

More in Politika