Muscat jerġa jindika x-xewqa tiegħu li r-rapport Egrant ikun ippubblikat kollu

F'Ħal Luqa Joseph Muscat jgħid li l-PN iħobb lil Malta biss meta jkun fil-Gvern...

Hekk kif ilejla l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kien qed jitkellem fl-Imsida sostna li hu jrid li r-rapport dwar Egrant ikun ippublikat kollu, anke jekk l-Avukat Ġenerali wissa biex dan ma jsirx biex ma tkunx preġudikata l-investigazzjoni u jinqabad "min għamel firem foloz. Biex issir ġustizzja u dawn il-persuni jinqabdu." 

Fir-rigward ta' dak li qal Simon Busuttil dalgħodu, wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-konfront ta' talba għall-publikazzjoni tar-rapport 'Egrant' hu sostna biss li "nixtieqlu saħħa u hena u nittama li int u familtek ma jgħaddux nofs milli għaddejt jien."

Fil-bidu tad-diskors hu qal illi l-aktar ħaġa li tifred lill-Maltin huwa l-mod kif il-PN u l-PL iħarsu lejn pajjiżna bil-PL, skontu, huwa pożittiv filwaqt li, skontu wkoll, il-PN jifred. "Aħna nappellaw lill-poplu mhux billi nifirdu bl-imkatar u ndoqqu żewġ innijiet. Aħna nappellaw għal dak li jgħaqqad," sostna Muscat. 

"Aħna lil Malta kollha nħobbu b'qalbna kollha u l-ħin kollu," sostna. "Ħaddieħor uriena li mhux Malta kollha jħobb u jagħmel differenza bejn min hu ta' ġewwa u min mhux, min hu ħabib u min mhux. Iħobbuha lil Malta meta jkunu fil-Gvern, fl-Oppożizzjoni ma tantx," insista Muscat. Huwa qal li hemm bżonn li l-MEPs li jkunu eletti ma jagħmlu ebda distinzjonijiet bejn il-poplu, "u ma niddejjaq xejn ngħid li vot għal kull wieħed u waħda minn dawn l-14-il kandidat qisu vot għal Joseph Muscat." 

"Aħna pożittivi. Jiena nħossni mbierek li qed ngħix f'dan il-pajjiż. U meta tara din id-differenza tibda tinduna għalfejn ħaddieħor qata' qalbu. Għalhekk l-oppożizzjoni għafset il-buttuna tal-paniku u bdiet toħloq kwistjonijiet li ma jeżistux," qal Muscat f'referenza għall-kwistjoni tal-abort. 

Il-PN għandhom ġenn biex ineħħu lil Delia - Owen Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici qal illi l-għajta ta' Malta f'qalbna, l-Partit Laburista verament jemmen fiha. 

Huwa qal illi iktar kemm il-Gvern jinvesti fil-kultura, iktar qed jitjieb il-pajjiż u sostna illi l-ispiża fil-kultura kienet l-akbar fl-aħħar snin. "Ikun hemm min jgħid li m'għandniex bżonn il-kultura, imma l-kultura hija l-kulur tal-pajjiż."

Bonnici qal illi l-PN mhux kampanja bla ħdura biss qed jagħmel imma "kampanja bla sens għax ma qalet xejn ta' sustanza." Hu qal li l-PM tassew iħobb lil Malta, "mexxej b'saħħtu u sod. Huma għandhom ġenn biex jaraw kif se jitlaq il-Kap tagħhom u aħna għandna ġenn biex naraw kif  se jibaq' l-mexxej tagħna."

 

 

More in Politika