'Joseph Muscat qatt ma jżomm kelmtu' - David Casa

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Casa u Azzopardi staqsew lill-Prim Ministru minn xiex qed jibża'

L-Ewroparlamentari u l-Kandidat David Casa saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jittieħed bis-serjetà għax, fi kliemu, qatt ma jżomm kelmtu.

Casa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li dalgħodu, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport Egrant.

Huwa saħaq li l-problema fil-pajjiż hi li l-Prim Ministru ħataf l-istituzzjonijiet kollha biex flok jiddefendu u jipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi, jaqdu u jipproteġu lilu.

"Muscat wiegħed li se jkeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi jekk dawn ikunu taħt investigazzjoni kriminali. Issa li għandna konferma li qed jiġu investigati kriminalment, il-Prim Ministru, flok keċċiehom, kompla jiddefendihom," kompla jisħaq.

Insista li l-Prim Ministru baqa' jiddefendi lill-Bank Pilatus li tneħħietlu l-liċenzja wara xhur ta' insistenza tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll baqa' jiddefendi lil Ali Sadr Hasheminejad li qed jiġi investigat fl-Istati Uniti bil-possibilità li jeħel sentenza ta' 125 sena ħabs. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa min xiex qiegħed jibża’ Joseph Muscat u x’qed jaħbi waqt li baqa’ jinsisti li għandu jippubblika r-rapport kollu tal-inkjesta Egrant.

Tul il-konferenza, Azzopardi saħaq li d-deċiżjoni tal-Qorti llum tikkonferma li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja hi fl-interess pubbliku u li l-poplu Malti u Għawdxi għandu d-dritt li jkun jaf x'inhu l-kontenut tal-1,400 paġna tar-rapport

Fakkar li l-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kap Adrian Delia, qed jinsisti li jitwaqqaf Kumitat Parlamentari li jagħmel rakkomandazzjonijiet biex, fi kliemu, f'Malta terġa' tirrenja s-saltna tad-dritt, u dan skont kif qed jgħidu d-diversi rapporti ppubblikati fl-aħħar xhur, fosthom tal-Greco, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Venezja, u tal-Moneyval.

"Il-Prim Ministru, iżda, baqa' ma laqax minn din l-isfida. Għalfejn qed jibża' l-Prim Ministru? Minn xiex qed jibża' l-Prim Ministru?," staqsa Jason Azzopardi.

Tal-istess fehma kien il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-kunsill ta’ Wied il-Għajn Errol Cutajar.

More in Politika