€3 miljuni oħra f’mediċini kontra l-kanċer f’nefqa ta’ €17.5 miljun fis-sena

Chris Fearne ħabbar li mil-lum aktar mediċini ġodda għal kontra l-marda tal-kanċer se jkunu qegħdin jiddaħħlu fuq il-formularju tal-gvern tal-mediċini b’xejn.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mil-lum aktar mediċini ġodda għal kontra l-marda tal-kanċer se jkunu qegħdin jiddaħħlu fuq il-formularju tal-gvern tal-mediċini b’xejn. Dan bi spiża ta’ €3 miljuni biex b’hekk l-ispiża fuq il-mediċini għal kontra l-kanċer issa hija ta’ madwar €17.5 miljuni fis-sena. Minn dawn il-mediċini l-ġodda se jkunu qegħdin jibbenefikaw madwar 50 pazjent.

“Kull pazjent milqut mill-marda tal-kanċer jiswa lill-pajjiż madwar €100,000. Konvinti li dawn huma flus minfuqa sew u huwa ta’ sodisfazzjon għalina bħala gvern li l-pajjiż jiflaħ għal din l-ispiża,” sostna d-Deputat Prim Ministru.

Huwa żied jgħid  li madwar sena u nofs ilu l-gvern nieda l-Pjan Nazzjonali kontra l-Kanċer bażat fuq kif se tiżdied u tittejjeb il-kura kif ukoll fuq il-prevenzjoni dwar kif nistgħu nilqgħu kontra din il-marda. Il-pjan jinsab fit-tieni sena tiegħu u bħalissa, bħala parti minnu, għaddejja kampanja f’kull belt u raħal mal-pajjiż kollu dwar kif wieħed jista’ jgħix ħajja aktar sana permezz tal-prevenzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru rrefera wkoll għaż-żieda li ddaħħlet fis-servizz ta’ screening għall-kanċer flimkien ma’ servizz ġdid u ta’ importanza kbira  magħruf bħala nurse navigators. Id-Deputat Prim Ministru qal li l-kura tal-kanċer ma tkunx tiddependi biss fuq qasam wieħed, il-kura tkun multidixxiplinarja u tirrikjedi diversi appuntamenti differenti u allura tkun iktar faċli għall-pazjent biex iħalli barra parti minn din il-kura. Biex dan ir-riskju jitnaqqas bl-aktar mod possibbli ddaħħlet is-sistema ta’ nurse navigator fejn infermieri speċjalizzati jieħdu ħsieb fuq bażi individwali l-appuntamenti tal-pazjent u jidderiġuh huma dwar meta u għand min ikunu l-appuntamenti. Minn din is-sistema bħalissa qegħdin jibbenefikaw madwar 400 pazjent li jsofru mill-marda tal-kanċer tal-musrana, madwar 150 pazjent ieħor li għandhom kanċer fil-pulmun u madwar 200 persuna oħra li għandhom kanċer fil-prostata. Sadattant huwa pjanat li f’Lulju li ġej din is-sistema tiddaħħal ukoll għal pazjenti milqutin mill-kanċer tal-utru u l-ovaries.

“Minn Ottubru tas-sena 2017 ’il hawn tista’ tgħid li ddaħħlet il-mediċina għal kull xorta ta’ kanċer u sal-lum qegħdin jintefqu aktar minn €14-il miljun fis-sena fuq dawn il-mediċini. Aktar minn 600 pazjent ibbenefikaw minn dawn il-mediċini. Il-mediċina l-ġdida li ddaħħlet mil-lum tirribatti l-kapaċità tal-kanċer li jaħrab lis-sistema immunitarja tal-ġisem u tpatti għan-nuqqas ta’ immunità. Il-kanċer għadu marda li tinkwieta lil kulħadd u lil kull pajjiż, madankollu se nkunu dejjem fuq quddiem fil-ġlieda kontrih. Huwa għalhekk li ninsisti li ma jkunux injorati l-appelli u l-istedin li jsir biex isiru testijiet b’għan preventiv bħalma jsir fil-każ tal-kanċer tas-sider u tal-musrana,” qal id-Deputat Prim Ministru.

 

More in Politika