Egrant | 'Se niddefendi d-dritt li nkun għassies fuq il-Gvern' - Delia se jappella b'urġenza

Dan wara li dalgħodu l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant

Adrian Delia, fl-ewwel kummenti tiegħu wara li dalgħodu l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talba tiegħu biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant, saħaq li se jkun qiegħed jappella quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell u se jitlob li din il-kawża tibqa' tinstema' b'urġenza.

Quddiem il-Qorti, Delia qara siltiet żgħar minn deċiżjoni pjuttost twila u insista li l-Qorti Kostituzzjonali, iddikjarat li hu għandu l-obbligu li jkun għassies fuq il-Gvern.

Kien għalhekk li Delia insista li se jkun qiegħed jappella minn din id-deċiżjoni. Fi kliemu, se jkun qed jiddefendi d-dritt tal-Oppożizzjoni li tkun għassiesa fuq il-Gvern.

"Se nappellaw biex inkunu nistgħu niskrutinizzaw dan ir-rapport," insista Delia.

Qal ukoll li l-Imħallef, fil-ġudizzju tiegħu, ma qal xejn dwar l-iżvantaġġ politiku li ntefgħet fiha l-Oppożizzjoni meta dan ir-rapport sħiħ li ġie miċħud lilu, jinsab f'idejn il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja, apparti l-Kummissarju u uffiċjali oħra fil-Korp.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk għadux jemmen li l-konklużjonijiet tar-rapport kienu biżżejjed, Delia qal li dawn jitkellmu ċar iżda saħaq li hemm 1,400 paġna oħra li ħadd ma jaf x'fihom.

"Din hija kawża dwar il-libertà tal-espressjoni," temm jisħaq Delia.

More in Politika