Il-PN inaqqas fin-Nadur u x-Xagħra… jista’ jaqla’ daqqa ta’ ħarta mis-Sindku Żebbuġi (8)

It-tmien u l-aħħar artiklu minn sensiela li ppubblikat din il-gazzetta u li permezz tagħhom tat ħarsa lejn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-lokalitajiet kollha

F’dan it-tmien artiklu minn sensiela dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn aktar lokalitajiet f’Għawdex.

Il-lokalitajiet Għawdxin li qed nanalizzaw illum joffru, tista’ tgħid minn kollox: fortizzi tal-partiti, bħal San Lawrenz u Ta’ Sannat, lokalitajiet fejn il-maġġoranza nqalbet, bħax-Xagħra u l-Qala u lokalitajiet fejn vot ta’ kandidat indipendenti jistgħu jfissru daqqa ta’ ħarta għall-partit li dejjem kiseb maġġoranza, bħal fil-każ taż-Żebbuġ.

Kif għamlet tul dawn l-aħħar ġimgħat, l-ILLUM qed tħares lejn ir-riżultati tal-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’dan il-lokalitajiet, fid-dawl tal-kuntest politiku li fihom saru, jekk magħhom sarux elezzjonijiet oħra u x’effett ħallew kandidati indipendenti.

San Lawrenz: raħal żgħir iżda fortizza kbira Nazzjonalista

San Lawrenz tista’ tkun waħda mill-iżgħar lokalitajiet f’Għawdex iżda hija wkoll waħda mill-aktar fortizzi qawwija Nazzjonalisti.

Kieku wieħed kellu jħares lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali f’dan ir-raħal fit-tarf ta’ Għawdex, jinnota li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu.

Fl-elezzjoni lokali tal-2007, sena biss qabel elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista kiseb 278 vot u l-Partit Laburista 135.

Forsi d-distakk ma jidhirx daqshekk kbir iżda għal lokalità żgħira bħal San Lawrenz, dan id-distakk huma wieħed sostanzjali tant li jfisser li l-Partit Nazzjonalista kiseb 67% tal-voti.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2012, sena qabel l-elezzjoni li rebaħ il-Partit Laburista, fejn f’Għawdex kien hemm ċaqlieqa kbira favur il-Partit Laburista. Madanakollu, f’San Lawrenz il-Partit Laburista baqa’ fl-istess ilma biex kiseb 139 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied u kiseb 309 voti.

L-aħħar elezzjoni lokali saret fl-2015, mar-referendum dwar il-kaċċa. Jekk inħarsu lejn it-turnout, minkejja li wieħed kien jistenna li aktar nies kienu se jivvutaw, jirriżulta li ħarġu inqas mill-elezzjoni lokali tal-2012.

Madanakollu, dan ftit li xejn affettwa lill-Partit Nazzjonalista tant li żied il-voti 343) biex kiseb 75% tal-voti kollha mitfugħa. Il-Partit Laburista spiċċa biex naqqas il-voti u kiseb 115-il vot.

Wieħed jistenna li din is-sena aktar nies se jivvutaw, ġaladarba l-elezzjoni lokali se ssir ma’ dik tal-Parlament Ewropew. X’aktarx li ż-żewġ partiti jżidu fil-voti tagħhom, iżda ftit li xejn hemm ċans li dan jaffettwa l-maġġoranza Nazzjonalista f’dan ir-raħal.

Għal San Lawrenz, il-Partit Nazzjonalista ħareġ żewġ kandidati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu erba’ kandidati.

Ta’ Sannat:  L-akbar fortizza Laburista f’Għawdex

Jekk San Lawrenz hija lokalità Nazzjonalista, Ta’ Sannat hija l-akbar fortizza Laburista f’Għawdex.

F’dan ir-raħal, il-Partit Laburista, fl-aħħar tliet elezzjonijiet lokali, baqa’ jżid il-voti tiegħu u jsaħħaħ l-appoġġ tant li fl-aħħar elezzjoni lokali, jiġifieri dik li saret fl-2013, il-Partit Laburista kiseb 75% tal-voti.

Fl-elezzjoni lokali tal-2006, jiġifieri elezzjoni lokali li saret waħedha, il-Partit Laburista kiseb 683 vot, il-Partit Nazzjonalista 282 vot u l-Alternattiva Demokratika 122 vot.

Kunsill lokali ġdid ġie elett fl-2009, meta l-elezzjoni saret ma’ dik tal-Parlament Ewropew kif se jsir din is-sena. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti, bil-Partit Laburista kiseb 806 voti u l-Partit Nazzjonalista 393 vot, bid-distakk ikun dak ta’ 413-il vot.

X’aktarx li dan kien minħabba l-fatt li aktar nies ħarġu jivvutaw u għax ma kien hemm l-ebda kandidat tal-Alternattiva u għalhekk dawk il-122 vot (li kandidat kien kiseb fl-2006) inqasmu bejn il-partiti l-kbar.

L-aħħar elezzjoni lokali saret ma’ dik ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista fl-2013. Dik is-sena, il-Partit Laburista kiseb 1,057 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas il-voti u kiseb biss 24% tal-voti mitfugħa, jew 349 vot.

X’aktarx li inqas nies se jivvutaw din is-sena, ġaladarba l-elezzjoni mhix se ssir ma’ dik ġenerali. Madanakollu din hija waħda minn dawk il-lokalitajiet li l-Partit Laburista jista’ jserraħ rasu minnha.

F’Ta’ Sannat, il-Partit Laburista għandu ħames kandidati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ żewġ kandidati. Għalkemm xorta għandu kandidat aktar minn kemm għandu kunsilliera attwalment (għax f’Ta’ Sannat il-PN għandu biss kunsillier wieħed) xorta waħda ma ħariġx biżżejjed biex jirbaħ il-maġġoranza.

In-Nadur: kienet lokalità Nazzjonalista… illum il-partiti ras imb ras

In-Nadur. Il-lokalità tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono u tad-Deputat Chris Said. Fl-elezzjoni lokali tal-2005, il-Partit Nazzjonalista kiseb 62% tal-voti, fl-aħħar elezzjoni lokali ġab 56 vot biss aktar mill-Partit Laburista.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fin-Nadur saru fl-2008, mal-elezzjoni ġenerali, fl-2012 u fl-2015 mar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Fl-elezzjoni lokali tal-2008, meta din saret mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, id-distakk bejn iż-żewġ partiti l-kbar fin-Nadur kien ta’ 504 voti, bil-Partit Nazzjonalista jġib 57% tal-voti.

B’kollox, il-Partit Laburista kiseb 1,215-il vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 1,719-il vot. Kandidat tal-Alternattiva kiseb 73 vot.

Fl-elezzjoni lokali li kien imiss, jiġifieri fl-2012, iż-żewġ partiti naqsu fil-voti tagħhom, għax inqas nies ħarġu jivvutaw ġaladarba l-elezzjoni lokali ġiet waħedha. Id-distakk niżel għal 405 voti, wara li l-Partit Nazzjonalista kiseb 1,345 vot, filwaqt li l-Partit Laburista ġab 960 vot.

Fi tliet snin, id-distakk niżel drastikament, biex fl-elezzjoni lokali tal-2015 (li saret mar-referendum dwar il-kaċċa), il-Partit Nazzjonalista żamm dan il-kunsill f’idejh wara li kiseb biss 56 vot aktar mill-Partit Nazzjonalista.

B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 1,481 vot, filwaqt li l-Partit Laburista żied ħafna voti u kiseb 1,425 vot. Kandidat tal-Alternattiva kiseb 46 vot.

X’aktarx li għall-elezzjoni lokali ta’ din is-sena jivvutaw aktar nies. Dan jista’ jfisser li aktar Nazzjonalisti jivvutaw, għax minn dak li rriżulta fl-aħħar tmien ġimgħat li l-ILLUM ilha tagħmel din l-analiżi, in-Nazzjonalisti għandhom tendenza li jibqgħu aktar id-dar meta l-elezzjoni lokali ssir waħedha.

Li hu żgur huwa li d-distakk mhuwiex xi wieħed kbir. Fi tliet snin għeb distakk ta’ kważi 400 vot u għalhekk distakk ta’ 56 vot jista’ faċilment jinqaleb favur il-Partit Laburista. Xejn ċert. Wieħed jista’ biss jistenna u jara x’se jiġri.

Għan-Nadur, il-Partit Laburista qed jippreżenta erba’ kandidati, filwaqt li ħames kandidati se jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Qala: minn lokalità Nazzjonalista għal lokalità Laburista

Bħalma rajna fil-każ tal-Munxar il-ġimgħa li għaddiet, u kif rajna llum fix-Xagħra, il-Qala huwa wkoll raħal li biddel l-alleanza politika tiegħu.

Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fil-Qala, jinduna kif il-Partit Nazzjonalista fl-2007 kien kiseb 61% tal-voti, biex sal-2015 kien il-Partit Laburista li kiseb 62% tal-voti.

Fl-elezzjoni lokali tal-2007, il-Partit Nazzjonalista kiseb 700 vot, filwaqt li l-Partit Laburista ġab 448 vot, jew inkella 39% biss tal-voti mitfugħa.

L-elezzjoni lokali tal-2012, elezzjoni li wkoll saret waħedha, kienet prova ta’ kemm verament kull vot jgħodd. Dik is-sena, il-Partit Laburista ħa l-kunsill lokali f’idejh wara li kiseb 7 voti biss aktar mill-Partit Nazzjonalista.

B’kollox, il-Partit Laburista kiseb 616-il vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 609 voti.

Tliet snin biss wara, fl-elezzjoni lokali tal-2015 (li saret mar-referendum dwar il-kaċċa), il-Partit Laburista mhux talli saħħaħ dak il-vantaġġ żgħir li kiseb fl-2012, talli rnexxielu jagħmel mill-Qala lokalità Laburista, tant li kiseb 62% tal-voti.

B’kollox, il-Partit Laburista kiseb 974 vot u l-Partit Nazzjonalista 570 vot. L-Alternattiva Demokratika kisbet 24 vot.

Din is-sena x’se jiġri? X’aktarx li din is-sena jivvutaw aktar nies, peress li l-elezzjoni lokali se ssir ma’ tal-Parlament Ewropew.

Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li din se tkun ukoll l-ewwel elezzjoni lokali li għaliha mhux se jikkontesta Clint Camilleri (illum Segretarju Parlamentari) u li fl-2012 u fl-2015 kiseb għadd ta’ voti għall-Partit Laburista.

Il-mod kif il-Partit Laburista ħa f’idu dan il-kunsill fi tliet snin u saħħaħ l-appoġġ tiegħu fit-tliet snin li ġew wara, huwa prova ta’ kemm kull elezzjoni hija tiġrija sal-barkun. Mill-aħħar elezzjoni lokali ’l hawn għaddew erba’ snin. Għalhekk, għal din is-sena, l-aħjar li nistennew biss u naraw kif se jivvutaw il-Qalin.

Għall-Qala qed jikkontestaw ħames kandidati għall-Partit Laburista u tliet kandidati għall-Partit Nazzjonalista.

Ix-Xagħra: minn Nazzjonalista għal Laburista u qed tissaħħaħ

Sal-elezzjoni lokali tal-2004, il-Partit Nazzjonalista kien imexxi l-kunsill lokali tax-Xagħra, iżda mill-2007 ’l quddiem, dan il-kunsill għadda f’idejn il-Partit Laburista li baqa’ jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fix-Xagħra saru fl-2007, fl-2012 u fl-2015, jiġifieri saru darbtejn waħedhom sena qabel elezzjoni ġenerali u l-aħħar waħda saret mar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Nibdew bl-2007. Din kienet l-ewwel sena li l-Partit Laburista rebaħ dan il-kunsill lokali, meta kiseb 1,296 vot. Il-Partit Nazzjonalista kiseb 1,175 vot, biex id-distakk bejn il-partiti kien dak ta’ 121 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret waħedha wkoll, fl-2012, bid-distakk bejn il-partiti jitla’ bi ftit għal 145 vot. Dik is-sena, il-Partit Laburista kiseb 1,352 vot, bil-Partit Nazzjonalista jġib 1,207 voti.

L-aħħar elezzjoni lokali saret fl-2015, mar-referendum dwar il-kaċċa. Iż-żewġ partiti żiedu fil-voti, forsi bis-saħħa tar-referendum ukoll. Madanakollu, il-Partit Laburista kiseb ħafna aktar tant li rebaħ 59% tal-voti.

B’kollox, il-Partit Laburista rebaħ 1,890 vot u l-Partit Nazzjonalista 1,297 vot.

Iż-żewġ partiti huma b’saħħithom f’din il-lokalità. It-tnejn qed iżidu fil-voti, iżda l-Partit Laburista donnu li qed jiġri ftit aktar.

Madanakollu jidher li l-Partit Nazzjonalista ftit qed jagħmel sforz biex jerġa’ jirbaħ din il-lokalità. Fil-fatt, din is-sena qiegħed joħroġ żewġ kandidati, daqs kemm għandu kunsilliera preżenti f’din il-lokalità, li jfisser li lanqas biss ipprova jirbaħ il-maġġoranza.

Għax-Xagħra, il-Partit Laburista qed joħroġ sitt kandidati.

Ix-Xewkija: lokalità oħra leali lejn il-Partit Laburista

Bħas-Sannat, ix-Xewkija huwa wkoll raħal Għawdxi fejn l-appoġġ lejn il-Partit Laburista qatt ma naqas.

L-aħħar tliet elezzjonijiet lokali fix-Xewkija saru fl-2005, fl-2008 u fl-2013 u l-Partit Laburista dejjem kiseb ’il fuq minn 60% tal-voti.

Fl-elezzjoni lokali tal-2005, elezzjoni li saret waħedha, il-Partit Laburista kiseb 66% tal-voti. Dakinhar huwa rebaħ 1,181 vot u l-Partit Nazzjonalista ġab 582 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2008, mal-elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista. Dik is-sena, iż-żewġ partiti żiedu fil-voti, biex il-Partit Laburista kiseb 1,423 vot (65%) u l-Partit Nazzjonalista ġab 782 vot jew 35%.

L-aħħar elezzjoni lokali saret mal-elezzjoni tal-2013 li rebaħ il-Partit Laburista. Fix-Xewkija reġa’ rebaħ il-kunsill bi kbir, b’distakk ta’ 878 vot. Il-Partit Laburista kiseb 1,600 vot (67%) u l-Partit Nazzjonalista 722 vot.

Din is-sena x’aktarx li inqas nies se joħorġu jivvutaw minn kemm ivvutaw fl-elezzjonijiet lokali tal-2013 u l-2008. Madanakollu, anke jekk iż-żewġ partiti x’aktarx li se jnaqqsu fil-voti, jekk it-tendenza tirrepeti ruħha, il-Partit Laburista jista’ jserraħ rasu wkoll minn dan ir-raħal.

Għax-Xewkija, il-Partit Nazzjonalista ħareġ żewġ kandidati, jiġifieri kandidat aktar minn kemm għandu kunsilliera attwali. Madanakollu dan xorta waħda jfisser li ma ħariġx biżżejjed kandidati biex jirbaħ maġġoranza f’dan il-kunsill.

F’isem il-Partit Laburista qed jikkontestaw ħames kandidati.

Iż-Żebbuġ: il-voti tas-Sindku jistgħu jfissru daqqa ta’ ħarta għall-PN

Iż-Żebbuġ, lokalità li tiġbor fiha wkoll il-lokalità turistika ta’ Marsalforn, liema lokalitajiet dejjem taw il-maġġoranza lill-Partit Nazzjonalista, iżda din is-sena, l-istorja taf tkun xorta oħra u dan wara li s-Sindku Nazzjonalista se jikkontesta bħala kandidat indipendenti.

Fl-elezzjoni lokali tal-2007, sena qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2008, il-Partit Nazzjonalista kiseb 62% tal-voti fiż-Żebbuġ. B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 769 vot u l-Partit Laburista kiseb 455 vot.

L-elezzjoni lokali li kien imiss saret fl-2012, ukoll sena qabel elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Laburista. Iż-żewġ partiti naqsu fil-voti tagħhom, iżda l-Partit Nazzjonalista żied il-maġġoranza tiegħu meta kiseb 64% tal-voti. Dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista ġab 699 vot u l-Partit Laburista kiseb 385 vot.

L-aħħar elezzjoni lokali fiż-Żebbuġ saret mar-referendum dwar il-kaċċa tal-2015. Għal xi raġuni, il-Partit Nazzjonalista naqqas drastikament il-maġġoranza tiegħu, mhux għax ma żiedx voti, iżda għax il-Partit Laburista żied drastikament il-voti tiegħu.

Tant hu hekk li jekk fl-2012, il-Partit Laburista kiseb 35% tal-voti, fl-elezzjoni tal-2015, kiseb 47%, biex il-Partit Nazzjonalista kiseb 52% tal-voti.

B’kollox, il-Partit Nazzjonalista kiseb 822 vot u l-Partit Laburista kiseb 732 vot, biex id-distakk kien ta’ 90 vot.

F’dawn l-elezzjonijiet qatt ma tista’ taqta’ linja. L-uniku ħaġa ċerta f’din il-lokalità hija li għalkemm iż-Żebbuġ kienet fortizza Nazzjonalista, id-distakk fl-2015 ma kienx daqshekk kbir u din is-sena, il-voti tas-Sindku Nicky Saliba jistgħu jilagħbu logħba importanti, dan hekk kif mhux se jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista (kif għamel fl-aħħar snin), iżda ħiereġ bħala kandidat indipendenti.

Saliba, fl-aħħar elezzjoni lokali, ġab 376 vot. Apparti s-Sindku, fiż-Żebbuġ se jikkontesta kandidat ieħor indipendenti u wieħed għad irid jara mingħand min se jnaqqar il-voti.

Il-Partit Laburista għandu erba’ kandidati għal dan il-Kunsill u l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ ħames kandidati.

More in Politika