'Dak li ħaddieħor ħoloq f'25 sena aħna ħloqnieh f’6 snin' - Muscat

'Il-poplu Malti u Għawdxi jistħoqlu apoloġija fuq il-frame up ta' Egrant' 

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Waqt li kien qiegħed jitkellem f'attività politika fil-Mosta, l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li huwa importanti li l-poplu jżomm f'moħħu l-bidla li ġab Gvern Laburista. 

“Dak li ħaddieħor ħoloq f’25 sena, aħna ħloqnieh f’6 snin. Ix-xogħol huwa l-bażi ta’ dan il-moviment, dan huwa l-partit tax-xogħol. Irridu nżommu dan il-punt f’moħħna u l-iskop tagħna huwa li dejjem nilħqu dan l-għan,” saħaq Muscat.

Żied jgħid li l-andamanet ekonomiku pożittiv huwa l-bażi tal-politika tal-Gvern hekk kif dan qed joħloq aktar ġid, ġid illi issa kulħadd irrid igawdi minnu.

Fl-istess waqt huwa qal li dan l-andament ekonomiku qed iserraħ l-imħuħ tal-Maltin u l-Għawdxin hekk kif skontu, "in-nies m’għadhomx mħassbin fuq il-kontijiet jew il-prezz tal-fjuwil ,iżda fuq il-kwalità tal-ħajja."

"Il-kwalità tal-ħajja, hi prijorità ta’ dan il-Gvern. Dan se jsir billi ninvesti fl-infrastruttura, l-innovazzjoni u l-inklużjoni,” qal il-Prim Ministru.

Fuq dan l-aħħar punt huwa għamel  koll referenza għal diversi proġetti li tħabbru fi żmien riċenti fosthom l-estensjoni ta’ Ta Qali, l-afforestazzjoni f’Birżebbuġa u t-tisbiħ fuq il-mini ta’ Santa Venera.

‘Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna apoloġija fuq Egrant’

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Muscat qal li l-poplu Malti u Għawdxi kien ħaqqu apoloġija fuq ‘il-frame up ta' Egrant' u li personalment jixtieq li dan ir-rapport joħroġ fil-pubbliku mill-aktar fiss. Minkejja kollox huwa qal l-Gvern kien qed isegwi l-parir tal-Avukat Ġenerali.

Fuq l-istess materja, il-Prim Ministru kkritika l-oppożizzjoni fuq il-kontradizzjoni fil-kritika tagħha f'dan ir-rigward.

“Ftit ġimgħat ilu Adrian Delia mar jiġri għand il-Pulizija għaliex qal li ffalsifikawlu l-firem, jidher li hemm xi ġurdien iħobb jagħmilha din il-biċċa xogħol," irrimarka Muscat. Huwa kompli jgħid kif, "meta  l-ġurnalisti staqsewh biex jippublika d-dokument qalhom, ‘ma tarax nippubblika l-karti, jekk nippubblika nippreġudika l-investigazzjoni.’

More in Politika