Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Mill-inqas 65 immigrant jitilfu ħajjtihom bejn Malta u t-Tuneżija dalgħodu

L-Awtoritajiet Tuneżini jgħidu li fuq id-dgħajsa kien hemm 75 persuna u NGOs jgħidu li kien hemm iktar ... ħelikopter tal-AFM jgħin fis-salvataġġ

Albert Gauci Cunningham / 11 ta' Mejju 2019 11:12
Apparti dgħajsa li dieħla pajjiżna iktar tard illum b'85 immigrant, mill-inqas 65 immigrant tilfu ħajjithom ftit 'l barra mill-kosta tat-Tuneżija hekk kif id-dgħajsa li kienu fuqha inqalbet. Dan żvelatu l-UNHCR fi stqarrija dalgħodu. Apparti l-istima ta' persuni mejtin, 16-il persuna oħra li kienu fuq id-dgħajsa ġew salvati wara operazzjoni ta' salvataġġ. 

Jidher illi d-dgħajsa telqet mill-Port ta' Zuwara fil-Libja u kienet sejra lejn l-Italja, qal Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża Tuneżin. 

Dgħajsa tas-sajd salvat lis-16-il persuna li kienu trasferiti fuq tliet bastimenti militari fl-operazzjoni tas-salvataġġ. Helikopter Malti kien ukoll parti mill-operazzjoni. 

Il-Ministeru tal-Intern Tuneżin qal li madwar 75 persuna kienu fuq id-dgħajsa għalkemm għaqda non governattiva sostniet illi probabilment kien hemm aktar u allura jista' jkun li n-numru ta' dawk li tilfu ħajjithom se jiżdied ukoll.

Intant dawk li kienu salvati ttieħdu fil-villaġġ Tuneżin ta' Zarzis.

Minkejja li l-Ministru Taljan Matteo Salvini ħalef li ma jħallix immigranti jidħlu, ibieraħ filgħodu għexieren ta' immigrnti daħlu Sqallija hekk kif id-dgġajjes bl-immigranti komplew deħlin, fenomenu li mistenni jiżdied hekk kif jidħol is-Sajf. 

Intant il-Baħar Mediterran, traġikament qed ikompli jservi ta' ċimiterju għal dawk kollha li qed jitilfu ħajjithom. 

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook