Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

70,000 vot tal-elezzjoni tal-PE għadhom lanqas biss inġabru - Muscat

Jgħid illi tort in-nuqqas ta' viżjoni ta' Gvernijiet Nazzjonalisti li għamlu 'kalkolu ħażin' għandna defiċit ta' infermieri

Albert Gauci Cunningham / 10 ta' Mejju 2019 19:26
Il-PM Joseph Muscat
Meta ilejla kien qed jitkellem fir-Rabat (Malta) il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal illi 70,000 vot tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għadhom lanqas biss inġabru, filwaqt li sostna illi madwar 130,000 vot tal-Kunsilli Lokali ma nġabrux anqas. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jiġbor id-dokument tal-vot u fakkar li mingħajru ħadd ma jista' jivvota. Huwa saħansitra qal illi ħafna nies ma nstabux id-dar għax illum hawn iktar nies jaħdmu, speċjalment nisa.

Dwar l-infermiera Muscat sostna illi sforz id-deċiżjonijiet ta' gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti pajjiżna għandu "defiċit ta' infermieri." F'dan il-punt huwa staqsa; "Jekk ma jkollniex infermiera barranin għax ħaddieħor ma ħasibx għall-futur, x'nagħmlu? Ma nagħmlux operazzjonijiet?" 

Muscat qal illi anke jekk il-120 persuna li se jiggradwaw mill-kors tal-infermiera, kollha jsiru infermieri u kollha mal-Gvern, "xorta inkunu 300 infermier minn taħt."

F'dan il-punt Muscat appella lil dawk preżenti biex dawk li għandhom il-vokazzjoni, iħarsu lejn karriera fil-qasam tas-saħħa

'Il-priorità issa hija l-kwalità tal-ħajja'

Hu ammetta illi ftit hawn spazji miftuħa fejn persuna tista' tmur għall-kwiet u ma jkollhiex għalfejn tħallas. "Qbadna 52 tomna ta' art u minflok fabbrika għażilna li niddeċiedu favur l-ambjent," qal Muscat f'referenza għall-proġett li tħabbar illum dwar il-Park Nazzjonali ta' Ta Qali. Hu qal li dan il-post se jikber daqs terz ta' Hyde Park, "se jkun pulmun kbir għal pajjiżna .. qed nagħtu sinjal ċar li qed nisimgħu l-bżonn għal aktar spazji miftuħa," sostna l-PM. Fakkar ukoll illi l-Gvern ħabbar proġett ta' spazju miftuħ fiż-żona ta' Benigħisa, f'Birżebbuga.

"Dan il-Gvern mhux biss jisma' imma jifhem li llum li l-ekonomija kibret u l-familji għandhom rashom mistrieħa, issa l-priorità hija l-kwalità tal-ħajja," qal Muscat għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti. 

Hu għamel elenku ta' leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, fosthom dwar l-użu tal-plastiks bħala frieket, skieken u tazzi li se jkunu projbiti. Hawnhekk sostna li l-bżieżaq li jintelqu fl-arju għandhom jitwaqqfu għax joqtlu l-ħajja fil-baħar, "għax dawn huma affarijiet li jolqtuna u jaffetwaw il-kwalità tal-ħajja. 

                                  Ilum tħabbret l-istrateġija għat-tnaqqis fir-rimi tal-plastik

Dwar it-toroq sostna li bix-xogħol li qed jagħmel il-Gvern fuq it-toroq dawn se jibqgħu tajbin u jservu għas-snin li ġejjin. 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook