Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Qorti | Ferris irid li jingħata lura l-impjieg fil-Korp tal-Pulizija

L-eks Spettur tal-Pulizija Jonathan Ferris jgħid li r-reżistenza biex ma jidħolx lura fil-Korp tiksirlu d-drittijiet

Albert Gauci Cunningham / 10 ta' Mejju 2019 18:18
L-eks uffiċjal tal-Pulzija Jonathan Ferris, li qed jgħid illi tkeċċa mix-xogħol fl-FIAU b'mod abbużiv fetaħ proċeduri Kostituzzjonali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u qed isostni li r-reżistenza biex jingħata l-impjieg lura mal-Korp tal-Pulizija tiksirlu d-drittijiet tal-bniedem tiegħu. 

Ferris, eks-Spettur tal-Pulizija li jispeċjalizza f'każi ta' frodi, kien mkeċċi mill-Financial Intelligence Analysis Unit f'Ġunju 2017, ftit biss wara li kien beda. 

Ferris jispjega f'applikazzjoni kostituzzjonali li hu kien mħeġġeġ biex ikun kandidat f'Mejju 2016. Minkejja li talab illi jkun sekondat hu kellu jirreżenja mill-Korp biex ikun jista' jidħol fl-FIAU mingħajr ma kien sekondat. 

Hu qal li fl-FIAU innota nuqqasijiet u abnormalitajiet filwaqt li bdew jidhru leaks dwar persuni esposti politikament. Qal illi hu talab li jkun aċċettat lura fil-Korp meta beda jara fejn sejjer il-Unit, iżda minflok kellu l-impjieg itterminat mingħajr spjega.  

Quddiem il-fatt li 119-il persuna kienu aċċettati lura fil-Korp tal-Pulizija Ferris sostna illi ma jistax jifhem għaliex ma kienx aċċettat.

Hu talab lill-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali biex tiddkjara li t-trattament lejh kien wieħed diskriminatorju u jiksirlu d-drittijiet tiegħu. Huwa qed jitlob li jingħata kumpens u jitpoġġa lura fil-Korp.

L-Avukati Andrew Borg Cardona, Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Evelyn Borg Costanzi ffrimaw l-applikazzjoni Kostituzzjonali.

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook