Xogħol ta' tisbiħ u rinovar f’20 blokka ta' akkomodazzjoni soċjali f’Bormla

89 familja se jibbenefikaw minn €78,000 f’xogħlijiet ta' tisbiħ u rinovar

L-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla qed ħadmu sabiex 17-il blokka jsirilhom xogħol ta’ rinovar u tisbiħ fil-komun, filwaqt li tliet blokok oħra se jkun qed igawdu minn lift u rampi ġodda.

Dan tħabbar illum mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkommodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-lokalità.

Hu qal li filwaqt li Bormla hu wieħed mill-aktar postijiet li fih binjiet soċjali f’pajjiżna, il-maġġoranza assoluta qatt ma’ kienu raw xi tip ta’ interventi ta’ rinnovar mill-gvern.

“Kien fl-aħħar snin li bdejna inħaddmu skema fejn nagħtu l-fondi u jkunu r-residenti stess li jiddeċiedu x’tip ta’ xogħlijiet għandhom isiru. Permezz ta’ din il-ħidma, 89 familja se jibbenefikaw minn €78,000 f’xogħlijiet ta’ tisbiħ, filwaqt li 21 familja se jkollhom lift u rampi ġodda,” qal Roderick Galdes.

Il-housing estates li bbenefikaw  f’din il-leġislatura jinsabu fi Triq San Ġwann t’Għuxa, Fuq San Pawl, Triq Taylor, Triq l-Inkurunazzjoni, Triq Hanover, Triq Wiġi Rosato, Triq Santa Liena, Triq l-Immakulata, Triq San Mikiel u Triq il-Pellegrinaġġ.

Preżenti għall-konferenza kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, is-Sindku tal-lokalitá Alison Zerafa Civelli, u l-kunsilliera.

More in Politika