Billboards dwar il-ħajja hekk kif il-PN iħarrax il-kampanja tiegħu kontra l-abort

Jisħaq li l-kandidati kollha għandhom jgħidu b'mod ċar x'inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni

Billboard li tella' l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sigħat
Billboard li tella' l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sigħat

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Peter Agius saħaq li d-dritt għall-ħajja u għaldaqstant il-kwistjoni tal-abort, hija tema importanti għal din l-elezzjoni u għalhekk min se jivvota għandu jkun jaf x’jaħsbu fuq il-kwistjoni l-kandidati kollha.

Agius qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech u li matulha insistew li l-Partit Nazzjonalista jemmen li d-dritt tal-ħajja jiżboq fuq kull dritt ieħor.

Il-Kandidat Peter Agius fakkar fil-manifest elettorali tal-Partit Soċjalista u li fi kliemu ma jiddefendix id-dritt tal-ħajja u jħalli tieqa miftuħa għall-abort.

Kien hawn li kkritika lill-Partit Laburista Maltin li ma kienx kapaċi jbiddel il-manifest tal-partiti li tiegħu huma membru.

“Jekk ma kinux kapaċi jbiddlu manifest tal-partit tagħhom stess, kif se jkunu kapaċi jbiddlu l-Ewropa,” saħaq Agius. “Aħna għandna bżonn sitt min-nies li kapaċi jbiddlu … ikunu kapaċi jippuxjaw l-interessi Maltin u l-valuri tiegħu.”

Irrefera għar-riżultat tal-kwestjonarju ppubblikat illum mill-Fondazzjoni Life Network u staqsa lill-kandidati kollha dwar kwistjonijiet morali, fosthom l-abort, b’disa’ kandidati Laburisti ma jweġbux il-mistoqsijiet.

Kien hawn li Agius insista li l-kandidati kollha għandhom ikunu ċari mal-pubbliku, għax fi kliemu, it-tema tal-abort hija tema importanti għal din l-elezzjoni.

“Fil-ħames snin li ġejjin din se tkun fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew. L-Ewroparlamentari tagħna jridu jkunu minn issa ċari dwar din il-pożizzjoni,” kompla Agius.

'Id-dritt tal-ħajja huwa iprem minn kull dritt ieħor' - Claudio Grech

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech insista li l-politiċi kollha, ġejjin minn fejn ġejjin, għandhom ir-responsabbilità li jkunu l-vuċi tat-tarbija fil-ġuf.

Fakkar fil-liġi dwar il-vjolenza domestika, bil-kelliem jisħaq li l-Gvern neħħa r-referenza għat-tarbija fil-ġuf bħala membru tal-familja li trid tiġi protetta u dwar il-liġi l-ġdida tal-IVF li fi kliemu “tpoġġi f’riskju mijie ta’ embrijuni,” b’oħrajn jispiċċaw b’ħajjithom iffrizata għal diversi snin.

“Id-dritt tal-ħajja huwa iprem minn kull dritt ieħor…Dejjem konnha konsistenti u dan jidher minn dak li ngħidu u nipproponu,” saħaq Grech.

Temm jinsisti li l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista se jkunu ambaxxaturi u se jibqgħu jaħdmu biex il-materji kollha marbuta mal-ħajja jibqgħu prerogattiva tal-pajjiż.

More in Politika