'It-tniġġis tal-arja qed ikollu effett dirett fuq il-mard respiratorju u l-kanċer fil-pulmun'

Il-PN jisħaq li filwaqt li l-Gvern jiftaħar li għalaq il-power station tal-Marsa ma jgħid xejn dwar it-tniġġis tal-arja li qed jiżdied

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri saħaq li t-tniġġis tal-arja li qed jesperjenza l-pajjiż qed ikollu mpatt dirett fuq il-mard, fosthom dak respiratorju, mard ieħor kroniku u l-kanċer fil-pulmun.

Spiteri qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista wara li ċifri tal-Eurostat ippubblikati llum poġġew lil Malta bħala wieħed minn fost l-agħar pajjiżi f'dak li jirrigwarda emmissjonijiet CO2 (Dijossidu tal-Karbonju), jiġifieri t-tniġġis li jirriżulta mill-karozzi li jaħdmu bil-fjuwil, fost oħrajn.

Iċ-ċifri juru illi Malta, meta tqabbel l-2018 mal-2017, kellha it-tieni l-akbar żieda ta' emmissjonijiet fl-arja.

Kien dan li wassal lil Spiteri biex jisħaq li l-Gvern filwaqt li jiftaħar bl-għeluq tal-power station tal-Marsa, mhux qed jgħid li fl-aħħar tliet snin Malta esperjenzat żieda fl-arja mniġġsa.

Akkuża lill-Gvern li ma għandu l-ebda pjan għall-ambjent u appellalu biex jaħdem biex jindirizza t-tniġġis tal-arja.

'Daqqa oħra ta’ ħarta għall-Maltin u l-Għawdxin'

Preżenti għall-konferenza, kien hemm il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight, li ddeskriviet dawn iċ-ċifri ħala “daqqa oħra ta’ ħarta għall-Maltin u l-Għawdxin.”

Insistiet li l-Partit Nazzjonalista jinkwetah ħafna dak li sejħitlu bħala nuqqas ta’ pjan ambjentali u kien għalhekk li għamlet referenza għal sensiela ta’ proposti li qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista għal dan il-qasam fil-manifest elettorali tiegħu għall-Parlament Ewropew.

Semmiet fost l-oħrajn li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti se jaħdmu biex jassiguraw li l-pajjiż jilħaq il-miri ambjentali, jaħdmu fuq inċentivi u għajnuniet għall-bdiewa, jaħdmu biex jiżdiedu l-programmi għal aktar tħawwil ta’ siġar u anke jaħdmu favur aktar drittijiet tal-annimali, fost oħrajn.

More in Politika