Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Il-PL qed jipproponi miżuri li neħħa jew irrifjuta l-Gvern stess'

Il-kelliema David Agius u Robert Cutajar jisħqu li l-manifest elettorali tal-PL għall-elezzjonjijiet tal-Kunsilli Lokali jinkludi miżuri li kienu diġà fis-seħħ u li neħħihom dan il-Gvern stess

Yendrick Cioffi / 7 ta' Mejju 2019 12:19
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius saħaq li ma jitwemminx kif fil-manifest elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista qiegħed iwiegħed miżuri li kienu daħlu fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti u li neħħihom il-Gvern Laburista.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, kemm il-Viċi Kap u anke l-kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar insistew ukoll li fost il-wiegħdi li qed jagħmel il-Partit Laburista hemm proposti li ressaqhom fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista u li l-Gvern irrifjutahom.

“Il-Partit Laburista u l-Gvern Soċjalista ma jistax ikun kredibbli meta jipproponi aktar responsabbilitajiet lill-kunsilli meta hu stess warrabhom fir-riforma tal-kunsilli lokali, anke meta resqithom l-istess Oppożizzjoni,” saħaq Agius.

'Qed jipproponi inizjattivi li rrifjuta fl-aħħar ġimgħat'

Il-kelliem Robert Cutajar tkellem dwar dawk il-proposti li qiegħed jagħmel il-Partit Laburista li jew neħħa dan il-Gvern jew inkella rrifjutahom meta pproponiethom l-Oppożizzjoni.

Fost dawn, Robert Cutajar semma l-proposta li qed jagħmlu ż-żewġ partiti għall-introduzzjoni tal-Community Policing fil-lokalitajiet, biex hekk il-kunsilli lokali jkollhom aktar rwol ċentrali fiż-żamma tal-ordni  u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

Madanakollu fakkar li l-Gvern ma daħħalx din il-proposta fl-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali u meta l-Oppożizzjoni ressqet emenda biex din il-proposta tkun inkluża, il-Gvern ivvota kontriha.

L-istess dwar il-proposta għal day centres u night shelters fil-lokalitajiet kollha u biex f’kull kunsill lokali jkun hemm kunsillier li jaħdem fuq il-qasam soċjali u partikolarment jindirizza kwistjonijiet bħas-solitudni, id-dimensja, l-obeżità u l-vizzju tad-droga.

Fi kliem Cutajar, l-Oppożizzjoni għadha kemm ressqet dawn il-proposti meta kien qed ikun diskuss l-Abbozz tal-Liġi fil-Parlament u l-Gvern ivvota kontrihom.

'Proposti oħra kienu fis-seħħ, neħħihom u issa jrid jerġa' jdaħħalhom'

Tkellem ukoll dwar dawk il-proposti li fi kliemu kienu jeżistu qabel, neħħihom Gvern Laburista u issa jrid li jerġa’ jdaħħalhom.

Fost dawn tkellem dwar il-proposta tal-Partit Laburtista li l-kunsilli lokali b’maġġoranza Laburista jidħlu fi djalolgu mal-operatur tat-trasport pubbliku biex jiżdiedu r-rotot fil-lokalitajiet.

“Meta kellna operatur differenti sal-2013, kellna ħafna rotot li kienu jdħlu fiż-żoni fil-periferija. L-operatur il-ġdid, li qed jiswa ħafna aktar, neħħihom u issa l-Partit Laburista qed jgħid li jrid jerġa’ jintroduċihom.

Tkellem ukoll dwar il-proposta tal-Gvern li jkun hemm kunsillier responsabbli mill-periferiji, iżda Cutajar saħaq li l-Gvern nesa jsemmi li neħħa l-elezzjonijiet tal-hamlest u tal-kumitati amministrattivi.

“Dan il-manifest jew sar bl-għaġla inkella sar għax maqtugħin mir-realtà,” temm jisħaq Cutajar.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook