20 sena akkużat li kkawża l-mewt ta' mara ... għadu qed jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti

Ir-raġel ħa l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għat-tieni darba għax qed jisħaq li d-dewmien qed jiksirlu d-drittijiet tieħu

Il-Qorti ntalbet tipprovdi soluzzjoni effettiva għal raġel li wara 20 sena akkużat li kkawża mewt ta’ mara b’overdose għadu qed jistenna deċiżjoni finali.

Ir-raġel qed jisħaq li qed ikun imċaħħad mill-ġustizzja fi żmien raġonevoli wara li kien akkużat fl-1999 li, b’negliġenza, wassal għall-mewt ta’ mara wara li ssupplixxa d-droga.

Il-mara kienet instabet mejta fil-baħar f’Delimara.

L-akkużat kien fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn fl-2004 kienet iddikjarat li r-raġel qed jinkisirlu d-dritt ta’ smigħ xieraq minħabba d-dewmien, bl-istess Qorti tordna lil dik tal-Maġistrati biex dan il-każ ikompli u jintemm.

F’Novembru tal-2013, l-akkużat kien instab ħati u ngħata sentenza ta’ sitt snin ħabs u multa ta’ €10,000.

Madanakollu, l-istess sentenza kienet iddikjarata nulla mill-Qorti tal-Appell Kriminali u kien intalab li l-każ jibda jinstema’ mill-ġdid.

20 sena wara, l-akkużat għadu qed jistenna li tittieħed deċiżjoni mill-Qorti u kien dan li wasslu biex jerġa’ jiftaħ l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jisħaq li dan id-dewmien qed isir bi ksur tad-drittijiet tieħu.

L-Imħallef Edwina Grima laqgħet it-talba, bil-każ se jkun issa qed jinstema’ quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

More in Politika