'Il-moviment Laburista se jibqa' jaħdem biex jeqred għal kollox il-faqar f'Malta' - Muscat

Muscat jgħid li l-proġett tal-Underground jġorr miegħu 'ċertu responsabbiltajiet’

Il-Prim Ministru Muscat fl-Isla
Il-Prim Ministru Muscat fl-Isla

Fid-diskors tiegħu waqt attività politika kmieni dalgħodu fl-Isla, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-moviment Laburista se jibqa’ jaħdem sabiex jeqred għal kollox il-faqar fil-pajjiż.

Muscat qal li, l-amministrazzjoni preżenti qatt ma ‘gergrett’ fuq dak li wirtet mill-Gvern preċedenti Nazzjonalista, iżda minflok ħadmet sabiex jirranġaw in-nuqqasijiet. Żied jgħid li dan il-Gvern irnexxilu joħroġ mill-faqar tnejn minn kull tliet persuni li l-Gvern attwali wiret fil-faqar.

“Fadal dik il-persuna minn tlieta u mhux se nistrieħu sakemm noħorġuha mill-faqar,” saħaq Muscat.

Il-Partit Laburista dejjem baqa' konsistenti fuq il-mina bejn Malta u Għawdex

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna li l-Partit Laburista dejjem kien konsistenti fuq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex filwaqt li minn naħa l-oħra, l-Partit Nazzjonalista, li kien hu li ppropona għal ewwel darba dan il-proġett f’2012 reġa' mar lura minn kellimtu.’

“Jobżqu lil poplu fuq kwistjoni miktuba iswed fuq abjad. Jiċħdu lil poplu fuq kwistjoni miktuba iswed fuq abjad, aħseb u ara jekk iwegħduk xi ħaġa lilek personali. Anke min ma jaqbilx magħna jemmen li dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed," saħaq Muscat.

Huwa kkritika l-oppożizzjoni fuq it-tendenza li tgerger dwar il-problemi tal-pajjiż iżda fl-aħħar nett ma tipproponi xejn. "Ħaddieħor igerger u m’għandu soluzzjonijiet ta’ xejn, dan huwa nuqqas ta’ viżjoni," sostna Muscat.

‘Il-proġett tal-Underground jġorr miegħu ċertu responsabbiltajiet’

Waqt l-istess diskors il-PM Muscat tkellem fid-dettall dwar il-proġett tal-underground f’Malta u Għawdex. Fuq din il-kwistjoni huwa qal li ma setax jemmen kif il-PN kien jinsab inkwetat mit-tħaffir ta’ mina waħda bejn Malta u Għawdex, iżda ma kienx fuq 20 mina madwar il-gżejjer Maltin.

Għal Muscat dan huwa eżempju ta’ inkonsistenza tal-oppożizzjoni.

Huwa kompli jitkellem fuq is-soluzzjoni tal-underground li skontu hu proġett ta’ kwart ta’ seklu li jiswa miljuni ta’ miljuni kbar.

"L-esperti jgħidulek li biex dan il-proġett ikun viabbli, għandek bżonn critical mass, irrid ikollok in-nies li jużaw is-servizz. B’nofs miljun persuna m’huwiex viabbli, inkella trid tagħmel żieda fit-taxxi spjega, Muscat, "minn naħa l-oħra l-oppożizzjoni tgerger għaliex skonta fqajna Malta bil-barranin."

“Din mhux kwistjoni ta’ underground, imma kwistjoni ta’ viżjoni tal-pajjiż. Din oppożizzjoni li m’għandiex viżjoni u allura ma tistax teħodha bis-serjetà fuq il-wegħdiet li qed tagħmel.

More in Politika