Nofs miljun ewro għar-riġenerazzjoni ta’ ‘housing estates’ f’Santa Luċija

F’dawn l-inħawi saru rapporti ta’ madwar 30 gallarija li kienu ta’ periklu, bl-Awtorità tad-Djar tintervjeni u tagħmel ix-xogħol neċessarju

Il-Konferenza tal-Aħbarijiet f'Santa Luċija
Il-Konferenza tal-Aħbarijiet f'Santa Luċija

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar ix-xogħlijiet li saru fuq bosta housing estates f’Santa Luċija, b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari spjega kif €480,000 ġew utilizzati biex isiru xogħlijiet ta’ rinovar, manutenzjoni u tisbiħ ta’ erba’ binjiet kbar li jinsabu f’Misraħ Dorell u fi Triq il-Gardenja f’Santa Luċija.

“F’dawn l-inħawi kellna rapporti ta’ madwar 30 gallarija li kienu ta’ periklu, bl-Awtorità tad-Djar tintervjeni u tagħmel ix-xogħol neċessarju. Mhux biss, għax kif wieħed jista’ jara, sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ mal-faċċati, fuq il-bjut u fil-partijiet tal-komun biex b’hekk tajna nifs ġdid lil dawn il-binjiet tal-gvern”, spjega Roderick Galdes.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li din il-lokalità, permezz tal-ħidma tal-kunsill lokali, ibbenefikat ukoll minn €31,000 oħra biex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq sitt binjiet oħra li jinsabu fi Triq iż-Żnuber u Triq l-Għansar.

Waqt li kien qed jagħti rendikont tal-ħidma li saret f’dan il-lokal, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes semma’ wkoll li anke f’din il-lokalità hemm seba’ blokok li se jkollhom lift installat taħt skema kofinanzjata minn fondi Ewropej.

Hu temm jgħid li b’dawn l-interventi kollha tal-Awtorità tad-Djar f’din il-lokalità, madwar 206 familji se jibbenefikaw minn dawn ix-xogħlijiet.

“Permezz ta’ dan l-investiment li qed nagħmlu, dawn il-familji se jgħixu f’housing estates aktar moderni, siguri u aċċessibbli. Dan hu l-frott tal-programm ambizzjuż ta’ riġenerazzjoni tal-oqsma tad-djar li hu mifrux mal-pajjiż kollu”, temm jgħid Roderick Galdes.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku Terrence Ellul, kunsilliera u kandidati għall-elezzjoni tal-kunsill lokali.

More in Politika