Tinqaleb dgħajsa b'erba' Sqallin fiha ... wieħed jitlef ħajtu

Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata

Illum, għall-ħabta tal-4:00 a.m , il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm inqalbet dgħajsa tas-sajd fl-inħawi taż-Żonqor, limiti ta’ Wied il-Għajn.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li fuq id-dgħajsa kien hemm erba’ persuni Sqallin. Tnejn minnhom, irġiel ta’ 35 sena, irnexxilhom jgħumu sax-xatt, wieħed minnhom, raġel ta’ 29 sena, ittella' mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċvili filwaqt li r-raġel l-ieħor għadu qiegħed jiġi mfittex mill-Forzi Armati ta’ Malta.

It-tliet persuni ttieħdu minnufih l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Sfortunatament, ir-raġel ta’ 29 sena ġie iċċertifikat mejjet filwaqt li ż-żewġt irġiel ta’ 35 sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Politika