'L-appoġġ ta' Muscat lil Timmermans mhuwiex fl-aqwa interess tal-pajjiż'

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-proposta ta' Timmermans għal rata komuni ta' taxxa għall-kumpaniji fl-UE tagħmel ħsara kbira lil Malta

Ritratti | James Bianchi
Ritratti | James Bianchi

L-Ewroparlamentari u l-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-appoġġ li l-Partit Laburista Malti qiegħed jagħti lil Frans Timmermans bħala kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, mhuwiex fl-interess ta’ pajjiżna, tal-ekonomija u tal-ħaddiema.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Mario de Marco u l-kandidati Roberta Metsola u Roselyn Borg Knight, insistew fuq il-fatt li Frans Timmermans jaqbel li l-Unjoni Ewropea taddotta rata komuni ta’ taxxa għall-kumpaniji.

“Jekk il-proposta ta’ Timmermans tidħol fis-seħħ, din twassal għal ħsara kbira,” saħqet Roberta Metsola. “Din tnaqqas il-kompettività u ttellef l-impjiegi lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.”

Waqt l-intervent tagħha, Metsola saħqet li d-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew dejjem kienet konsistenti.

“Kieku ma kienx għall-Partit Popolari Ewropew u għall-ħidma tad-Delegazzjoni Nazzjonalista kieku llum Malta hija meqjusa tax haven,” insistiet Metsola.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li l-Unjoni Ewropea għandha tħalli d-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ taxxa fuq bażi nazzjonali u mhux Ewropew Mario de Marco

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario de Marco saħaq li din il-ġimgħa, waqt dibattitu, Timmermans għamilha ċara li hu jrid rata uniformi ta’ taxxa għall-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea u li dan ifisser li l-Istati Membri, jitilfu s-sovranità tagħhom fuq is-sistema tat-taxxa.

“Pajjiżna dejjem iġġieled biex inkunu aħna li niddeċiedu r-rata ta’ taxxa tagħna,” saħaq de Marco waqt li insista li din kienet ir-raġuni prinċipali għas-suċċess li l-pajjiż għamel fis-settur finanzjajru.

Spjega, kif ir-rata ta’ taxxa f’Malta għall-kumpaniji hija kompetittivà u kien dan li attira diversi kumpaniji minn pajjiżi oħra, li għax ma kinux daqshekk kompetittivi ma rnexxilhomx jattirawhom lejhom.

“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li l-Unjoni Ewropea għandha tħalli d-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ taxxa fuq bażi nazzjonali u mhux Ewropew,” saħaq il-kelliem.

Tal-istess fehma kienet il-kandidata Roselyn Borg Knight li insistiet li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm biex jara li jattira lejn Malta setturi li joffru pagi tajbin lil Maltin.

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi dan,” insistiet il-kandidata waqt li spjegat li kien għalhekk li qed jipproponi proposti konkreti għat-tisħiħ tal-ekonomija.

More in Politika