'Dak li tajnikhom mhu xejn ħdejn dak li għad irridu nagħtukom' - Muscat lill-pensjonanti

 'Ħafna mill-punti l-aktar bażiċi, inkluż id-dritt ta’ strike, ma tnaqqruwx aktar milli tnaqqru, grazzi għall-ħidma tal-GWU u tat-trejdjunjins tal-affari tagħhom f’dan il-pajjiż' - Il-PM Joseph Muscat

Parti mill-folla li attendiet ir-rally | Ritratt: James Bianchi
Parti mill-folla li attendiet ir-rally | Ritratt: James Bianchi

“Lill-pensjonanti tagħna ngħidulhom diġa tajnikom imma m’huwa xejn ħdejn dak li ħa nagħtukom, għaliex dan huwa l-mod ta’ kif bil-fatti nwettqu l-ġustizzja soċjali”.

Dan qalu dalgħodu l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt rally tal-anzjani fil-Belt Valletta.

Muscat saħaq li f’baġits ta’ dan il-Gvern għal kuntrarju ta’ budgets ta’ Gvern Nazzjonalista, "żidna l-pensjonijiet u neħħejna t-taxxa fuq il-pensjonijiet sal-massimu tal-pensjoni."  

Saħaq li pensjonanti, speċjalment  pensjonanti nisa, għadhom uħud mill-iktar kategorija ta’ nies b’periklu ta’ faqar f’pajjiżna. "Ta’ qabilna kienu jgħidu li l-faqar hija perċezzjoni."

Kompla jgħid li lill l-anzjani li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, "rridu nagħtuhom post fejn nieħdu ħsiebhom iżda rridu wkoll ninkoraġixxu lill dawk l-anzjani li jistgħu jibqgħu jgħixu fis-soċjetà u għalhekk qed joħorġu skemi li permezz tagħhom ikunu qed iħallsu nofs il-paga ta’ carer."

Il-Prim Ministru saħaq li għalhekk is-surplus huwa importanti, "importanti li l-qligħ ikun qiegħed hemm biex mbagħad inkunu nistgħu nagħmlu u nagħtu affarijiet oħra u nagħmlu skemi oħra li huma importanti sabiex il-pensjonanti ma jibqgħux jgħixu fil-faqar, min jrid jibqa’ attiv fil-ħajja tax-xogħol ikollu inċentiv iżda l-għan tagħna huwa li bil-pensjoni jkollhom biżżejjed flus li jlaħħqu mal-ħajja."

Muscat tenna li għal kważi kwart ta’ seklu sħiħ ta’ Gvern Nazzjonalista, l-irwol tat- trejdjunjins kollha f’pajjiżna kien biex iżommu lill-Gvern milli jkompli jċaħħad lin-nies minn affarijiet, "jipprova jżomm milli kisbiet li saru fin-nofs seklu ta’ qabel jittieħdu lura b’xi mod jew ieħor. Ħafna mill-punti l-aktar bażiċi, inkluż id-dritt ta’ strike, ma tnaqqruwx aktar milli tnaqqru, grazzi għall-ħidma tal-GWU u tat-trejdjunjins tal-affari tagħhom f’dan il-pajjiż."

Muscat sostna li llum, xogħol it-trejdjunjin mhux li jara li dak illi b’mod ewlieni illi għandhom il-ħaddiema ma jittieħidx, imma biex dak li għandhom il-ħaddiema jżiduh u mhux innaqsuh, li jaraw illi d-drittijiet li jeżistu llum jsaħħuwhom. Dr Muscat sostna li dan huwa parti minn pjan u strateġija illi tħejjiet matul is-snin u li bdew jimplimentaw mill-2013 sallum.

Saħaq li jistgħu jagħmlu dawn l-affarijiet mhux biss għaliex għandhom ir-rieda politika, imma għax għandhom il-mezzi li jagħmluhom u għandna ekonomija li qiegħda taħdem. Fl-ewwel leġiżlatura b’mod specjali l-impenn kbir kien li jinħoloq il-ġid għaliex il-ġid joħloq il-ġid. “Id-differenza għalina ma’ ħaddieħor hi li l-ġid mhuwiex għan minnu nnifsu, il-ġid jrid ikun hemm sabiex mbagħad inwettqu l-ġustizzja soċjali,” tenna Muscat.

“Din hija ħidma li l-uniku moviment li għandha l-kredenzjali li tagħmila huwa l-Partit Laburista għaliex l-istorja tixhed dan, għaliex mill-esperjenza nafu dan. Nafu li d-drittijiet ħafna minnhom tagħhom Partit Laburista. L-istorja dak illi turi. L-istorja ta’ dan l-aħħar sitt snin turi illi aħna konna kapaċi nagħtu aktar għax noħolqu aktar ġid,” kkonkluda Muscat.

Il-PM Joseph Muscat jindirizza lill-anzjani | Ritratt: James Bianchi
Il-PM Joseph Muscat jindirizza lill-anzjani | Ritratt: James Bianchi
Dawk li attendew, fosthom l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb | Ritratt: James Bianchi
Dawk li attendew, fosthom l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb | Ritratt: James Bianchi

More in Politika