'M'għamilniex pushback wieħed u l-obbligi tagħna ħarisnihom' - James Grech (PL)

... u Frank Psaila jgħid li l-PN irid 'smart migration' filwaqt li Martin Cauchi Inglott jipproponi ċentri tal-ażil fil-Libja

L-ewwel dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir għall-elezzjoni ta' Mejju | Ritratt mill-paġna ta' FB ta' Frank Psaila
L-ewwel dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir għall-elezzjoni ta' Mejju | Ritratt mill-paġna ta' FB ta' Frank Psaila

Waqt dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir ir-rappreżentant tal-Partit Laburista u kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew James Grech sostna illi Gvern Laburista dejjem ħares l-obbligi kollha tiegħu fil-każ tal-immigrazzjoni. "M'għamilniex pushback wieħed u dejjem ħarisna l-obbligi tagħna." Hu sostna li għax sar ftehim, ħafna mill-immigranti li żbarkaw hawn illum m'għadhomx pajjiżna. 

Il-kandidat tal-PN Frank Psaila iżda qal li llum "influss ta' barranin" bla pjanar għandu l-pajjiż. "X'oqsma ġodda se joħloq il-Gvern? U x'effett qed ikollhom fuq il-Maltin, il-barranin? Joseph Muscat tkellem dwar il-pushback mhux aħna ... il-PN kontra min qed jabbuża minn min hu vulnerabbli qed jiġġieled." Hu qal li l-PN irid 'smart migration' ... "qed ninsistu li min m'għandux dritt tal-għażil f'pajjiżna għandu jintbagħat lura. Qed ngħidu li l-affarijiet fl-immigrazzjoni għandhom isiru sew."

Imma iktar minn hekk Psaila sostna li l-gvern għandu jkun onest dwar jekk kienx hemm ftehim dwar l-immigrazzjoni bejn Malta u l-Italja.

Dwar dan is-suġġett, Martin Cauchi Inglott, li kien qed jirrapreżenta lill-Parti Demokratiku, fakkar illi l-pushback hija illegali u qal illi dak li hemm bżonn huma soluzzjonijiet fit-tul. Huwa ppropona li fil-Libja jkun hemm ċentri li jevalwaw l-applikazzjoni tal-għażil u jkun minn hemm stess li jkun deċiż min għandu dritt jingħata protezzjoni u min le.

L-MEPs Maltin fl-aħħar ħames snin ...

Dwar il-ħidma tal-MEPs Psaila sostna illi parti mix-xogħol tal-MEPs huwa li jmorru fil-Parlament Ewropew u jiġdu l-attenzjoni dwar dak li qed jiġri pajjiżna. Dwar l-MEPs tal-PN qal "li għandhom obbligu jagħmlu hekk u hekk qed jagħmlu."

Grech iżda qal illi l-MEPs tal-PN kienu fil-fatt qed jagħmlu ħsara lill-Malta tant li kien hemm min, fil-Parlament Ewropew, ried saħansitra jimponi sanzzjonijiet kontra pajjiżna.

Il-Ġudikatura: Ħielsa jew mhedda?

Frank Psaila, li fetaħ id-dibattitu, sostna illi "kważi dawk kollha maħtura mill-ġudikatura f'dawn is-snin kellhom xi forma ta' affiljazzjoni mal-Partit Laburista. Il-Kummissjoni Venezja għamlet il-proposti tagħha dwar il-ħatra tal-ġudikatura imma l-Gvern webbes rasu u baqa' għaddej qisu romblu u ħatar sitt persuni b'rabta mal-Partit Laburista." Hu sostna li l-PN se jibqa' jaħdem għall-bidla mis-sitwazzjoni preżenti illi skont Psaila hija ta' istituzzjonijiet 'hijacked'. 

Grech iżda elenka leġizlazzjoni ġdida li wettaq Gvern Laburista u riżultati li kiseb; l-Att tal-Whistleblowers, inqas ħin u aktar effiċjenza fil-Qrati u sostna li l-Justice Score Board juri illi l-ġudikatura hija indipendenti. Huwa jgħid illi r-rapport tal-Kummissjoni ta' Venezja stess jgħid illi l-affarijiet m'għandhomx isiru malajr. 

Martin Cauchi Inglott sostna li l-poplu iktar jimpurtah mill-interessi personali tiegħu milli kwistjonijet ta' govenanza tajba u qal li huwa dan li qed iwassal għall-popolarità tal-Partit Laburista.  

Mina Tolu, li kienet qed tirrapreżenta lill-Alternattiva Demokratika, qalet illi f'Malta rajna illi l-integrazzjoni ħadmet. 

 

More in Politika