'Għandna għażla bejn politiku seren u politiku li t-ton tiegħu ibeżżgħek'

Filwaqt li lbieraħ il-Kap Nazzjonalista qal li din mhux elezzjoni bejn il-partiti, Robert Abela jisħaq li l-għażla tal-25 ta' Mejju hija bejn Joseph Muscat u Adrian Dela

F'konferenza tal-aħbarijiet li saret illum tard waranofsinhar, il-Partit Laburista qabbel iż-żewġ diskorsi li għamlu lbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-Konferenza Ġenerali tal-PL u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN.

Fi kliem id-Deputat Robert Abela, ħarġet ċara d-differenza bejn Joseph Muscat li ddeskrivih bħala politiku seren u Adrian Delia, li fi kliemu, anke t-ton tiegħu "ibeżżgħek."

Abela saħaq li din hija l-għażla li se jkollu quddiemu l-poplu fil-25 ta' Mejju li ġej, jiġifieri għażla bejn: "politiku kompetenti għal politiku li ma joffri xejn. Politiku li jagħtik soluzzjoni għal politiku li dejjem isib il-problemi f'kull ċirkostanza. L-għażla bejn min għandu pjan u viżjoni, għal min ma għandu xejn, ħlief negattiviżmu u dwejjaq."

Filwaqt li lbieraħ waqt il-Kunsill Ġenerali, Adrian Delia saħaq li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti, Robert Abela llum insista li l-għażla se tkun bejn Joseph Muscat u Adrian Delia.

"Għażla bejn statista li għandu esperjenza ta' sitt snin fejn dak kollu li miss sar deheb għal politiku li għadu lanqas qabad art fil-partit politiku tiegħu stess," kompla jisħaq Abela.

Id-Deputat Laburista kompla jisħaq dwar il-kompetenza, waqt li saħaq li Joseph Muscat u t-tim tiegħu dejjem ġabu l-ġid lejn pajjiżna, filwaqt li Adrian Delia ħadd ma jaf x'jirrappreżenta.

"Hekk kif qegħdin inqas minn erba' ġimgħat mill-elezzjonijet, nistaqsu x'jirrappreżenta llum il-Partit Nazzjonalista u r-risposta hija li ma nafux," saħaq Abela.

Waqt li lbieraħ Delia għal aktar minn darba insista li l-Gvern ma għandux pjan u viżjoni, Abela insista li huwa Delia li ma għandu l-ebda viżjoni, għal kuntrarju ta' Muscat li fi kliemu għandu viżjoni u pjan mhux biss għax-xhur iżda għas-snin li ġejjin.

"Jitkellmu kontra l-barranin u jdaħħlu x-xenofobija. Imbagħad iridu jdaħħlu politika ta' integrazzjoni. Waħda kontra l-oħra," qal Abela. "Jitkellmu kontra l-iżvilupp, iżda lill-iżviluppaturi jgħidulhom li għadna lanqas biss bdejna niżviluppaw. Messaġġ kontra l-ieħor."

Insista li r-raġuni ta' dawn il-kontradizzjonijiet hija li l-Partit Nazzjonalista ma għandux viżjoni, lanqas il-kap tiegħu stess, li fi kliem Abela, ma jafx x'inhu l-futur politiku tiegħu.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-kandidati għall-Parlament Ewropew, Josef Caruana u Noel Cassar.

More in Politika