Roberta Metsola meqjusa bħala l-aktar MEP Maltija attiva

Metsola kienet ukoll fuq quddiem fost l-MEPs tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew

Wara li saret analiżi ta’ informazzjoni dwar il-ħidma tal-MEPs f’dawn l-aħħar ħames snin, is-sit awtoritattiv mepranking.eu, poġġa lill-Ewroparlamentari Roberta Metsola bħala l-aktar MEP attiva fost l-Ewroparlamentari Maltin.

Metsola hija wkoll l-uniku MEP Maltija li hi fost l-aktar 30 MEP attiv.

Dawn ir-riżultati tħabbru wara l-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew ġabet fi tmiem il-leġislatura bejn l-2014 u l-2019

Dan ir-riżultat jinkludi analiżi fattwali ta’ kull attività differenti li għamlu l-Membri tal-Parlament Ewropew, li jinkludu abbozzi ta’ liġijiet, rekords dwar il-voti, emendi legali, diskorsi, trasparenza fil-voti, ir-rwol Parlamentari u affarijiet oħra.

Ir-riżultati tal-MEP Metsola jpoġġiha fuq quddiem fost l-MEPs tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, wara l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u ċ-Chairman tal-Grupp Manfred Weber.

Fl-aħħar leġiżlatura, Roberta Metsola rebħet l-unur prestiġġjuż tal-MEP tas-sena darbtejn, u ntgħażlet bħala waħda mill-għaxar mexxejja żgħażagħ fid-dinja fl-2017.

Fost il-liġijiet li ħadmet fuqhom Metsola dan l-aħħar, hemm dik dwar is-sigurtà fil-fruntieri li se tkun qed tara ż-żieda ta’ 10,000 uffiċjal tal-gwardja mal-fruntieri esterni tal-Ewropa.

“Dejjem sabiħ li tkun rikonoxxut għall-ħidma li tkun għamilt, speċjalment meta tingħata rikonoxximent minn forum bħal dan, imma - anke jekk mhux dejjem naqblu - kull MEP Malti dejjem jaħdem għall-poplu li nirrapreżentaw,” saħqet Metsola b’reazzjoni.

More in Politika