Pompi tal-petrol f'ODZ se jitħallew isiru basta fuq art diġà mmarkata għal żvilupp

Wara xhur ta' kritika u anke protesti l-Awtorita tal-Ippjanar tippublika l-politika dwar il-pompi tal-petrol

Wara xhur ta' protesti u fl-għajn ta' kritika qawwija, illum l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ħabbret illi ppublikat il-politika l-ġdida dwar il-pompi tal-petrol. L-Awtorità qed tisħaq illi skont din il-politika pompi tal-petrol għandhom ikunu f'żoni industrijali u siti mmarkati għal intrapriżi żgħar u medji. Żoni oħrajn jinkludu dawk mmarkati għall-iżvilupp.

Din il-politika tiġi biss ġranet wara li rilokazzjoni ta' pompa tal-petrol kienet approvata biex f'San Pawl il-Baħar f'ħames minuti sewqan issa jeżistu erba' pompi tal-petrol

L-PA qalet  li tista' tikkunsidra pompi tal-petrol li jkunu f'żoni barra l-iżvilupp (ODZ) basta l-art tkun diġa  kommessa b'mod legali. Tikkunsidra wkoll żvilupp ta' pompi tal-petrol fuq art li mhix użata għall-agrikoltura jew trobbija tal-annimali. Dawn is-siti jkunu kkunsidrati biss jekk ikun milħuq "benefiċċju ambjentali iktar wiesa' u jekk l-iżvilupp ikun "kompatibbli għall-kuntest taż-żona."

Siti li diġa huma okkupati minn pompi tal-petrol se jitħallew jtejbu l-post għalkemm ix-xogħol ma jkunx jista' jmur oltrè mil-art li diġa qed tintuża mill-pompa in kwistjoni. 

Dawk il-pompi tal-petrol illi wara diskussjoni ma' Trasnport Malta u l-MRA ma jkunux meqjusin bħala periklu mhux se jkunu eliġibbli għar-rilokazzjoni. 

L-għoli ta' pompa ma tistax tkun iktar minn seba' metri u jekk pompa ma tintużax għal dak l-iskop li għaliha qiegħda, titwaqqa' bl-ispejjeż iħallashom is-sid.

More in Politika