'Dan il-Gvern ma jimpurtahx mis-sitwazzjoni tal-mara' - Claudette Buttigieg

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg saħqet li taħt dan il-Gvern is-sitwazzjoni tal-mara ggravat

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg saħqet li s-sitwazzjoni tan-nisa fl-impjiegi f’Malta hija ħażina ħafna waqt li saħqet li dan qed jgħiduh rapporti internazzjonali.

Buttigieg qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali tal-25 ta’ Mejju.

Waqt il-konferenza, Buttigieg saħqet li s-sitwazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol f’Malta hija inaċċettabbli u jeħtieġ li tiġi indirizzata, waqt li insistiet li l-Gvern ma jimpurtahx mis-sitwazzjoni tal-mara.

“Mhux qed ngħid li qabel ma kinitx ħażina, imma s-sitwazzjoni tal-mara ggravat,” saħqet Buttigieg.

Għamlet referenza wkoll għal statistika li kienu ppreżentaw grupp ta’ accountants lill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u li kienet turi li d-diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa f’din il-professjoni hija ta’ 20%.

Matul il-konferenza tkellmet ukoll Roselyn Borg Knight, kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li saħqet li l-MEPs Nazzjonalisti se jkunu qed jaħdmu fuq azzjoni biex il-mara ssib postha f’kull livell tas-soċjetà u jkun hemm opportunitajiet indaqs bejn il-ġeneri.

Fakkret li l-Ewroparlamentari ppreżenti diġà ħadmu fuq liġijiet li jżidu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, waqt li semmiet id-Direttiva li ħadem fuqha l-Ewroparlamentari David Casa u li permezz tagħha, l-irġiel se jkollhom għaxart ijiem leave tal-paternità mħallas u se jingħataw xahrejn ta’ leave mħallas għal kull ġenitur li jista’ jintuża sakemm it-tifel jew it-tifla jgħalqu 8 snin, fost oħrajn.

Waqt li anke hi rreferit għal statistiċi, fosthom tal-Eurostat u tal-Forum Ekonomiku Dinji, li juru l-qagħda tal-mara Maltija fl-impjieg, Borg Knight insistiet li dawn l-istatistiċi mhux qed joħroġhom il-Partit Nazzjonalista.

More in Politika