Il-PM jgħid li d-distakk bejn il-partiti mhuwiex kbir daqskemm qed juru s-sondaġġi

Joseph Muscat qal li mhuwiex realistiku li l-Partit Laburista jirdoppja l-maġġoranza tiegħu

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Dalgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li jgħidu x'jgħidu s-sondaġġi, id-distakk bejn il-partiti politiċi mhuwiex daqshekk kbir.

Joseph Muscat qal dan meta f'Villa Bighi ppreżenta l-14-il kandidata tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Matul id-diskors tiegħu, Joseph Muscat qal li d-distakk li qed jippreżentaw is-sondaġġi mhuwiex wieħed realistiku waqt li insista li din l-elezzjoni se tkun waħda missielta.

“Anke jekk joħorġu jivvutaw l-istess ammont ta’ votanti daqskemm joħorġu f’elezzjoni ġenerali, il-PL irid jirdoppja l-maġġoranza tiegħu,” qal il-Prim Ministru. “Din mhijiex realistika.”

Il-Prim Ministru saħansitra saħaq li min qed joħroġ dawn is-sondaġġi, qed jagħmel hekk biex jekk il-Partit Nazzjonalista jitlef din l-elezzjoni b’ċertu ammont ta’ voti, ma jkunx qed jidher li qed jitlef daqshekk bi kbir.

“Se nikkumbattu u nikkonvinċu fuq kull vot … nagħmluh b’mod seren,” saħaq il-Prm Ministru. “Irridu nġibu l-aqwa distakk possibbli.”

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

'L-Oppożizzjoni tibża’ mill-ġudizzju tal-poplu'

Huwa tenna dak li l-Partit Laburista għamel l-ewwel ġimgħa tal-kampanja jtambar fuqu, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista ma ħariġx biżżejjed kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’ċertu lokalitajiet.

Saħaq li t-tentattiv tal-Partit Nazzjonalista kien li ma jkunx hemm bżonn elezzjonijiet f’dawn il-lokalitajiet, iżda fi kliemu, il-pjan tiegħu sfaxxa, għax il-Partit Laburista ppreżenta aktar kandidati minn dak mistenni.

Madanakollu, huwa saħaq li l-Partit Laburista jrid jagħmel sforz akbar, għax filwaqt li insista li f’ċertu lokalitajiet diġà għandu l-maġġoranza tal-kandidati (għax il-PN ma ħariġx biżżejjed kandidati biex jirbaħ maġġoranza) xorta waħda jrid jikkonvinċi lil-Laburisti biex joħorġu jivvutaw.

Kien hawn li Muscat qal li t-tir tal-Partit Nazzjonalista huwa li inqas nies joħorġu jivvutaw għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, għax fi kliemu, “l-Oppożizzjoni tibża’ mill-ġudizzju tal-poplu.”

Filwaqt li ppreżenta l-kandidati tiegħu, il-Mexxej Laburista rringrazzja lill-Ewroparlamentari tiegħu, partikolarment lil Marlene Mizzi li mhux se terġa’ tikkontesta.

“Il-poplu se jiġġudika x-xogħol tagħhom u nistennew li l-Oppożizzjoni se tkun lesta li tiġġudika l-Ewroparlamentari tagħha,” temm jgħid Muscat.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

'Muscat ħa żball għax ma qalx li għalih imissna qatt ma sirna membri tal-UE'

Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħa zball meta naqas milli jgħid li kieku għalih u għall-Partit Laburista, Malta qatt ma saret membru tal-Unjoni Ewropea u ma kinitx tibbenefika minn €2 biljun f'fondi Ewropej li ġabu Gvernijiet Nazzjonalisti.

"Għal Joseph Muscat l-Ewropa qatt ma kienet is-'super favorita' bħall-Kunsilli Lokali, u bil-kontra ta' dak li qed jagħmel il-Gvern Soċjalista bla pjan bi shubija fl-Unjoni Ewropea l-Partit Nazzjonalista kellu viżjoni u pjan fit-tul għal pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi, liema frott għadna qed ingawdu minnu sal-lum il-ġurnata," saħaq il-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq li l-vera prijorità għall-Partit Laburista hija l-korruzzjoni, iżda insista li Joseph Muscat naqas milli jitkellem dwar "il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta' pajjiżna bl-għemil tal-Gvern immexxi minnu."

"Dan għaliex il-Gvern Soċjalista mhux veru li għandu lil Malta f'qalbu iżda għandhom lil Malta f'buthom," temm jgħid il-PN.

More in Politika