Il-battibekk dwar l-għadd ta’ kandidati li ħarġu l-PN u l-PL. Verità jew spin?

Fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-partiti l-kbar spiċċaw jippuntaw is-swaba’ lejn xulxin u jisħqu li qed  jimminaw id-demokrazija għax f’ċertu lokalitajiet ma ħarġux biżżejjed kandidati. Imma din verità jew spin? L-ILLUM tanalizza

Il-tmexxija tal-PN u l-kandidati kollha
Il-tmexxija tal-PN u l-kandidati kollha

L-ewwel jiem tal-kampanja elettorali kienu kkaraterizzati minn botta u risposta bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista u l-ammont ta’ kandidati li ħarġu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-25 ta’ Mejju li ġej.

Il-Partit Laburista qed jipponta subgħajh lejn il-Partit Nazzjonalista u jisħaq illi li kieku kien għalih ma kienx jagħmel elezzjonijiet f’aktar minn 20 lokalità u li dawn se jsiru biss għax il-Partit Laburista ppreżenta tim b’saħħtu ta’ kandidati. Tant hu hekk li l-Prim Ministru saħansitra qal illi li kieku kien għall-Partit Nazzjonalista, ma kinux isiru elezzjonijiet fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li huwa l-Partit Laburista li sentejn ilu waqqaf l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u li din is-sena ħassar l-elezzjonijiet lokali ta’ 16-il Kumitat Amministrattiv. Mhux hekk biss, talli qed jisħaq li bl-istess argument li qed juża l-Partit Laburista, anke hu ma ħariġx biżżejjed kandidati f’numru ta’ lokalitajiet.

Iżda minn dawn l-argumenti, kemm minnhom huma verità? Dan li se tipprova twieġeb il-gazzetta ILLUM.

Fil-fatt, din il-gazzetta analizzat l-għadd ta’ kandidati f’dawk il-lokalitajiet li dwarhom iż-żewġ partiti kbar għaddejjin b’botta u risposta. Dan qabblitu mal-għadd ta’ kandidati li ż-żewġ partiti kienu ppreżentaw fl-aħħar elezzjonijiet lokali fl-istess lokalitajiet u kemm fil-fatt għandhom kunsilliera fihom.

Il-Partit Laburista esaġera jew għandu raġun?

Nhar it-Tlieta li għadda, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li fil-25 ta’ Mejju, il-Partit Nazzjonalista jixtieq li f’numru ta’ lokalitajiet, il-votanti jibqgħu d-dar għax fi kliemu, “f’numru ta’ lokalitajiet, il-Partit Nazzjonalista għandu kandidati daqs jew anqas kemm għandu mill-kunsilliera attwali.”

Għalkemm dak li qal il-Partit Laburista jgħodd għal ċertu lokalitajiet kif ser naraw hawn taħt, ma jgħoddx f’lokalitajiet oħra.

Fil-fatt, il-Partit Laburista kien ikun aktar korrett kieku għafas fuq il-fatt li f’dawn il-lokalitajiet kollha li qed isemmi u anke f’diversi lokalitajiet oħra, il-Partit Nazzjonalista ħareġ inqas kandidati minn kemm ħareġ fl-aħħar elezzjonijiet lokali.

Il-lokalitajiet li ħarset lejhom l-ILLUM huma dawk il-lokalitajiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat semma nhar it-Tlieta li għadda waqt attività taħt it-tinda f’Ħal Tarxien.

F’liema lokalitajiet il-PN ħareġ kandidati daqs kemm għandu kunsilliera jew inqas?

Dawn huma l-lokalitajiet fejn il-Partit Nazzjonalista ħareġ kandidati daqs kemm għandu kunsilliera attwali u fejn allura l-Partit Laburista kellu raġun

  • Ħal Kirkop: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2015 ħareġ tnejn u tella’ tnejn
  • Ħal Qormi: Il-PN joħroġ erba’ kandidati. Fl-2015 ħareġ sitta u tella’ erba’
  • Ta’ Xbiex: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2015 ħareġ tlieta u tella’ tnejn
  • Ix-Xagħra: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2015 ħareġ erba’ u tella’ tnejn

Fil-każ tal-Għarb, il-Partit Nazzjonalista ħareġ inqas kandidati minn hekk għandu kunsilliera attwalment. Fil-fatt fl-2013 ħareġ erba’ u tella’ tlieta. Din is-sena ħareġ biss żewġ kandidati.

F’lokalitajiet oħra l-PN xorta ħareġ aktar kandidati minn kemm għandu kunsilliera attwalment…

Dawn huma l-lokalitajiet fejn minkejja li l-Partit Nazzjonalista ħareġ inqas jew l-istess ammont ta’ kandidati, xorta ħareġ aktar minn kemm għandu kunsilliera attwali u għalhekk, xi ftit jew wisq, il-Partit Laburista qaleb xi ftit id-diskors:

  • Il-Birgu: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2015 ħareġ tlieta u tella’ wieħed
  • Bormla: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2015 ħareġ erba’ u tella’ wieħed
  • Il-Fgura: Il-PN joħroġ erba’ kandidati. Fl-2013 ħareġ sitta u tella’ tnejn
  • Il-Kalkara: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2013 ħareġ tnejn u tella’ wieħed
  • Wied il-Għajn: Il-PN joħroġ erba’ kandidati. Fl-2013 ħareġ erba’ wkoll u tella’ tlieta
  • Ta’ Sannat: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2013 ħareġ tnejn ukoll u tella’ wieħed
  • Ħaż-Żabbar: Il-PN joħroġ ħames kandidati. Fl-2013 ħareġ ħamsa wkoll u tella’ tlieta
  • Żejtun: Il-PN joħroġ tliet kandidati. Fl-2013 ħareġ tlieta wkoll u tella’ tnejn
  • Ħal Luqa: Il-PN joħroġ tliet kandidati. Fl-2015 ħareġ tlieta wkoll u tella’ tnejn
  • Iż-Żurrieq: Il-PN joħroġ erba’ kandidati. Fl-2015 ħareġ erba’ wkoll u tella’ tnejn
  • L-Isla: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2015 ħareġ tlieta u tella’ wieħed
  • Ix-Xewkija: Il-PN joħroġ żewġ kandidati. Fl-2013 ħareġ tliet kandidati u tella’ wieħed.

Il-PN fejn ħareġ kandidat wieħed?

Dawn huma lokalitajiet fejn il-Partit Nazzjonalista ħareġ biss kandidat wieħed. F’dawn il-lokalitajiet, fl-aħħar elezzjoni lokali, il-Partit Nazzjonalista eleġġa kunsillier wieħed ukoll:

  • Ħal Għaxaq: Fl-2013 il-PN kien ħareġ żewġ kandidati u tella’ wieħed
  • Marsaxlokk: Fl-2015, il-PN kien ħareġ tliet kandidati u tella’ wieħed
  • Ħad-Dingli: Fl-2013, il-PN kien ħareġ żewġ kandidati u tella’ wieħed
  • Ix-Xgħajra: Fl-2013, il-PN ukoll kien ħareġ kandidata waħda u ovvjament ġiet eletta

Wieħed jista’ jargumenta u jgħid li f’dawn il-lokalitajiet, meta wieħed iħares lejn l-għadd ta’ kandidati, il-Partit Nazzjonalista lanqas biss prova jirbaħ il-maġġoranza. Iżda jekk wieħed iħares lejn dawn il-lokalitajiet u r-riżultati li kisbu l-partiti fl-aħħar elezzjonijiet lokali, il-Partit Nazzjonalista ftit li xejn għandu ċans li jċaqlaq l-ammont ta’ kunsilliera.

 

Il-Partit Nazzjonalista kellu raġun jew le?

Wara l-kritika li rċieva mingħand il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista dlonk saħaq li dak tal-Partit Laburista mhu xejn għajr “spin qarrieq.”

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista insista bl-istess ‘spin’ tiegħu, il-Partit Laburista ma ħariġx biżżejjed kandidati biex f’numru ta’ lokalitajiet ma kinitx issir elezzjoni kieku ma kienx għal ammont ta’ kandidati li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista.

Partikolarment, il-Partit Nazzjonalista semma l-lokalitajiet Nazzjonalisti ta’ Ħ’Attard, is-Swieqi, San Lawrenz u Ħal Balzan.

Iżda l-Partit Nazzjonalista qaleb id-diskors ukoll?

L-uniku lokalità, minn dawk li semma l-Partit Nazzjonalista u li fiha l-Partit Laburista naqqas l-ammont ta’ kandidati tiegħu kienet Ħ’Attard.

Fil-fatt, Ħ’Attard, il-Partit Laburista ħareġ tliet kandidati, meta fl-aħħar elezzjoni lokali li saret fl-2015, kien ħareġ erba’ kandidati. Madanakollu, attwalment, il-Partit Laburista għandu żewġ kunsilliera f’Ħ’Attard.

Għall-kuntarju, f’Ħal Balzan, il-Partit Laburista żied il-kandidati tiegħu. Fil-fatt, din is-sena qed jippreżenta żewġ kandidati, meta fl-2015 kien ħareġ kandidat wieħed. Ovvjament, dan ifisser li f’din il-lokalità, attwalment, il-Partit Laburista għandu kandidat wieħed.

Iż-żewġ lokalitajiet oħra, jiġifieri s-Swieqi u San Lawrenz, il-Partit Laburista ħareġ l-istess ammont ta’ kandidati daqs l-aħħar elezzjonijiet lokali, jiġifieri tnejn.

Fiż-żewġ lokalitajiet, il-Partit Laburista għandu kunsillier wieħed rispettivament, jiġifieri kunsillier inqas minn kemm qed joħroġ kandidati din is-sena.

Il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet lokali
Il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet lokali

L-uniku lokalità li fiha l-Partit Laburista qiegħed joħroġ kandidat wieħed hija dik tal-Imdina. Fil-fatt, għat-tieni darba konsekuttiva, f’din il-lokalità mhux se ssir l-elezzjoni tal-kunsill lokali (ara paġna 7), għax l-ammont ta’ kandidati li ħarġu ż-żewġ partiti mhuwiex biżżejjed biex issir elezzjoni u għalhekk, il-kandidati kollha, jiġu awtomatikament eletti.

More in Politika