Analiżi | L-‘underdog’ vera, żball fuq billboard, l-arma tal-partit u s-segwaċi ta’ Daphne

Il-ġurnata minn filgħodu turik jgħid il-Malti. U x’urietna l-ewwel ġurnata tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista u s-sigħat ta’ wara. X’qal Delia? X’se jkun il-messaġġ tiegħu? U l-arma l-antika fejn hi? U dak l-iżball fuq il-billboard...

Din il-ġimgħa nfetaħ is-separju fuq il-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir nhar il-25 ta’ Mejju u li se tħalli l-effett tagħha, bħalma taffettwa kull elezzjoni, fuq iż-żewġ mexxejja politiċi. Din jaf tkun l-aħħar elezzjoni ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista, xi ħaġa li fil-fatt mistenni jtambar fuqha l-Partit Laburista u jaf tkun l-aħħar ta’ Adrian Delia jekk it-telfa għall-Partit Nazzjonalista tkun kbira wisq.

Din il-ġimgħa beda l-kampanja elettorali l-Partit Nazzjonalista u allura l-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn l-ewwel tiri tal-kampanja tal-partit fl-oppożizzjoni f’analiżi fil-forma ta’ mistoqsija u tweġiba.

Minn fejn qed jitlaq il-Partit Nazzjonalista?

Jgħid x’jgħid Joseph Muscat il-Partit Nazzjonalista se jitlaq din it-tiġrija minn sitwazzjoni tal-underdog ta’ taħt l-underdog. Dan għal diversi raġunijiet.

L-ewwel nett dan qed jidher minn sondaġġi differenti, li juru illi minn fost id-deċiżi 60% qed jgħidu li se jivvutaw PL, filwaqt li meta tgħodd lill-indeċiżi xorta jibqa’ mal-20% differenza bejn iż-żewġ partiti. Fir-realtà l-PN qatt ma kien daqstant ħażin fin-numri. Is-sondaġġi qed juru lill-PN jitlef mal-50,000 vot mit-total ta’ voti fl-2017 li allura jpoġġih f’sitwazzjoni ħażina ħafna.

Apparti n-numri, mhux xi sigriet li l-midja bil-lingwa Ingliża, speċjalment The Times/Sunday Times u l-Malta Independent bħalissa huma xi ftit jew wisq bierda dwar il-PN, imma l-aktar dwar it-tmexxija ta’ Adrian Delia.

It-Times, b’mod speċjali, kienet alleat importanti ħafna għall-PN. Il-fatt li ġimagħtejn ilu kien hemm storja prominenti dwar it-Times, fuq il-Mument huwa indikattiv ta’ kemm hi bierda r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet alleati għal żmien twil, speċjalment wara l-ħruq tal-bini tat-Times fi żmien Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff.

Il-PN huwa mifni b’kurrenti kuntrarji interni li fl-aħħar sena taw stampa xejn stabbli tiegħu u allura dan qed ikompli jagħmel is-sitwazzjoni għal dan il-partit agħar milli hi.

Delia se jkollu jitlob għal, prattikament, miraklu biex inaqqas id-distakk b’mod sostanzjali (-10,000 imqar) sal-25 ta’ Mejju.

 

X’inhu l-messaġġ tal-PN u x’inhuma l-konnotazzjonijiet politiċi?

Il-messaġġ tal-PN huwa ‘Flimkien għal pajjiżna’ fuq blu ċar u arma ddisinjata b’mod ġdid li ilha tintuża imma li mhix dik uffiċjali.

L-ewwel nett, l-użu tal-kelma ‘flimkien’ tmur lura għall-2008 meta l-PN rebaħ kontra dak kollu mbassar, anke jekk b’1,500 vot biss, bil-messaġġ kien ‘Flimkien Kollox Possibbli’. L-użu tal-kelma ‘flimkien’ timplika l-bżonn tal-għaqda fi żmien meta l-għaqda mhix hemm. Fil-fatt il-messaġġ huwa, l-importanza li l-PN ikun magħqud.

L-għaqda hija importanti minn ħafna aspetti għall-PN bħalissa. L-ewwel nett għax partit illi huwa realment jew perċeput li huwa mifrud qatt ma jirbaħ elezzjonijiet, nieħdu l-1998 bħala eżempju u l-elezzjonijiet sussegwenti li tilef Alfred Sant għax kien hemm diversi frizzjonijiet fil-Partit Laburista.

It-tieni; partit li għandu l-firda fih u speċjalment fejn il-firda hija fid-deher, ftit huwa meqjus bħala wieħed li kapaċi jmexxi.

It-tielet, in-nuqqas ta’ għaqda hija waħda mill-kaġuni għalfejn il-livell ta’ interess huwa baxx u d-diżillużjoni għolja fost l-għeruq tal-partit. B’għeruq bla ħeġġa qajla tista’ tirbaħ.

Il-kliem ‘għal pajjiżna’ jappella għal dawk l-elementi nazzjonalistiċi li huma popolari ħafna f’pajjiżna u li Delia qed jimbutta kemm jiflaħ meta jsemmi l-kultura, ir-reliġjon u l-immigrazzjoni.

Interessanti l-użu tal-arma ddisinjata mill-ġdid u l-fatt li l-PN ma ddikjarax li din hija l-arma uffiċjali l-ġdida, iżda qed juża lilha kullimkien u mhux dik bi sfond iswed li ġejja minn ġenerazzjonijiet, snin u kuntesti passati.

In-nuqqas ta’ formalizzazzjoni ta’ din l-arma tista’ turi l-biża’ tat-tmexxija ta’ Delia milli tinqata’ mill-passat u tidħol b’mod assolut fl-era l-ġdida ta’ modernizzazzjoni tal-PN. Turi wkoll illi hemm xi ftit ta’ titubar mit-tmexxija meta jirrigwarda bidliet.

Dan jikkuntrasta ħafna mal-pompa illi biha nbidlet l-arma tal-Partit Laburista, meta l-bdil kien uffiċjali.

Minkejja dan, il-messaġġ huwa tajjeb u pożittiv. Attraenti, kemm fis-sinifikat tiegħu u anke fid-dehra.

Naturalment jekk il-messaġġ hux b’saħħtu biżżejjed u jekk hux qed ikun ipprattikat (l-għaqda) hija kwistjoni oħra.

Waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN
Waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN

X’kien l-ewwel messaġġ tal-kampanja nhar it-Tnejn li għadda?

L-ewwel messaġġ ta’ Adrian Delia ngħata nhar it-Tnejn waqt Kunsill li laqqa’ l-kandidati kollha li tefgħu isimhom mal-lista tal-PN.

Bħalm’għamel fl-aħħar żmien, Delia reġa’ ffoka ħafna fuq ix-xogħol u dawk li mhumiex qed igawdu mill-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż. Dan ikompli jsostni d-dehra ta’ Delia bħala politiku ‘qrib in-nies’.

Huwa jibda billi jirringrazzjahom talli tefgħu isimhom ‘mhux għall-kap’ imma għall-pajjiż. Dan juri illi Delia, konxju tal-fatt illi hemm sezzjoni ta’ Nazzjonalisti li ma jagħtuhx appoġġ, qed jipprova jiddistakka lilu nnifsu miċ-ċentru tal-kampanja, fi kliem ieħor biex il-kampanja ma ddurx madwaru biss. Dan fil-fatt jaqbel ħafna għall-PN.

Jaqbel għall-PN li dan idawwar aktar din it-tiġrija għal waħda bejn kandidati ta’ partit u ieħor u b’hekk ikun jista’ jassigura l-voti ta’ dik is-sezzjoni kbira ta’ nies li lesti jivvutaw bil-qalb lil David Casa, Roberta Metsola u/jew Francis Dimech u li lilu ma jridux, mhux lill-PN.

Naturalment kontrih hemm magna qawwija u effiċjenti Laburista li se tagħmel minn kollox (u probabbilment se jirnexxilha) biex dik ta’ Mejju tkun tellieqa bejn Muscat u Delia, f’liema każ huwa ċar illi Muscat jirbaħ bil-qawwi.

Delia, u dan jixhduh il-billboards ukoll, xorta qed jirriserva parti mill-kampanja għall-korruzzjoni, suġġett tant għal qalb l-eks kap tal-PN Simon Busuttil. Delia jaf illi dawk li għalihom il-PN għandu jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni qabel kull ħaġa oħra, lilu ma tantx jarawh f’dawl sabiħ.

Fortunatament għall-Partit Laburista, bosta Nazzjonalisti waqgħu fin-nassa tiegħu li jpinġi l-korruzzjoni bħala xi ħaġa li m’għandniex niddiskutu għax tkun ‘negattiv’.

Tant hu hekk li għax il-PN tella’ billboard dwar il-korruzzjoni, kienu attivisti tiegħu stess li qalu illi l-partit kien qed ikun “negattiv.” Dan ifisser illi fuq naħa jekk jitkellem biss fuq il-korruzzjoni se jkun hemm min jgħid li huwa ‘bħal Simon’ u qed imexxi strateġija telliefa u min-naħa l-oħra jekk ma jsemmiha xejn ħafna Nazzjonalisti jgħajruh ‘korrott’ u li huwa ‘fotokopja ta’ Joseph Muscat.’

Din tal-korruzzjoni fil-fatt hija naqra ta’ dilemma għall-PN bħalissa. Naturalment inċidenti bħal-laqgħa ta’ Hermann Schiavone u Kristy Debono ma’ Yorgen Fenech ma jgħinu assolutament xejn.

Ċertezza hija li, jgħid x’jgħid il-Labour, mingħajr is-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia u votanti li għandhom linja ta’ ħsieb bħal Manuel Delia, il-PN l-art jibqa’ u jitlef bil-qawwi. Qisek qed tgħid il-Labour mingħajr il-Mintoffjani.

Hawnhekk ukoll jidher li l-PN bela’ l-lixka Laburista. Fil-fatt ħafna qrib it-tmexxija qed jagħtu lil din is-sezzjoni ta’ Nazzjonalisti l-ġenb. Kif se jara f’Mejju l-PN, dan se jkun għad-detriment tiegħu u għall-ġid tal-Labour (ironikament li qed itih il-parir)  

Tkellem dwar l-ambjent? X’qal?

L-ambjent huwa suġġett li ma jrebbaħx elezzjonijiet, iżda l-kuxjenza qed tikber, speċjalment hekk kif it-tkabbir qawwi ħafna fl-industrija tal-kostruzzjoni qed twassal għal krejnijiet prattikament kullimkien u inkonvenjent.

Delia semma’ l-ambjent diversi drabi u qal illi dan qed “jiġġarraf”  kif jgħid li qed tiġġarraf id-demokrazija f’pajjiżna. Jgħid ukoll li qed ikun “ikkalpestat”.

Il-problema ta’ Delia fuq dan is-suġġett hija l-ewwel nett il-PN għandu rekord ambjentali dubjuż. Huwa veru illi qabad artijiet sħaħ u tahom protezzjoni u li żied l-afforestazzjoni, imma mbagħad qabad biċċiet ta’ art kbar ukoll u f’eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni tefagħhom għall-iżvilupp. Din id-deċiżjoni għadna qed inħossu l-frott tagħha llum.

Dan apparti l-għażla tal-Heavy Fuel Oil u n-nuqqas ta’ azzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ilma. It-tieni nett, il-PN taħt Delia mhux ċar dwar ir-relazzjoni li għandu jew irid ikollu mal-kuntratturi. Ir-relazzjoni tal-PL mal-kuntratturi u speċjalment mal-persuna li tirrappreżentahom (Sandro Chetuti) nafu kemm hi qrib. Il-PN x’se joffri differenti? Kif se jaċċerta li ma jkunx Gvern perċeput li qed jiddependi fuq l-appoġġ tal-kuntratturi?

Jiġifieri għalkemm viċin ir-realtà, dawk li se jivvutaw bl-ambjent fuq moħħhom bħala prijorità se jippreferu li jersqu lejn l-Alternattiva Demokratika jew lejn kandidati bħal Cami Appelgren (PD) milli lejn Delia.

U l-barranin kemm tahom importanza?

Kuntrarjament għal diskorsi oħrajn dak tal-ftuħ tal-kampanja kien pjuttost qasir u allura Delia miss ma’ kull suġġett b’mod qasir għal ftit.

L-emfasi fuq il-popolazzjoni ma kienx daqs diskorsi oħrajn għalkemm Delia baqa’ konsistenti dwar is-suġġett. Il-Kap tal-PN baqa’ jorbot iż-żieda fil-popolazzjoni man-nuqqas ta’ ppjanar. Dan l-angolu jagħmel sens, speċjalment fid-dawl ta’ ffullar eseġerat fit-trasport pubbliku f’ċerti żoni, problema ta’ ħmieġ u anke sfidi infrastrutturali.

Il-problema dwar il-barranin hija din; il-Partit Laburista taħt l-għajjat tal-kożmopolitaniżmu lanqas biss jidher li qed jirrikonoxxi din il-problema, l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku kważi l-stess u l-Partit Nazzjonalista filwaqt li qed jitkellem dwarha, mhux qed joffri soluzzjonijiet.

Li allura jispjega kif minkejja stqarrijiet xokkanti dwar persuni b’diżabilità u r-razziżmu, bosta nies qed jersqu lejn partiti bħal dak ta’ Norman Lowell.

Dan allura jista’ jfisser illi ħafna minn dawk li qed jaqblu ma’ Delia dwar in-nuqqas ta’ pjan relatat mat-tkabbir fil-popolazzjoni, jew xorta se jivvutaw lil-Labour jew inkella se jivvutaw lill-Imperium Europa/Moviment Patrijotti Maltin.

Liema kien l-aqwa mument tal-kampanja tal-PN fl-ewwel sigħat?

Fl-ewwel sigħat l-aqwa mument tal-PN jew ta’ Delia kien meta dan qal x’inhu l-messaġġ tal-partit. Fil-fatt, politikament il-messaġġ, “aħna ma rridux inwaqqgħu/inneħħu l-Gvern, imma...” jagħmel sens u jappella għal dawk li forsi qed jiddejqu b’ċerti attitudni jew episodji taħt dan il-Gvern imma xorta jippreferu lilu mill-PN. Ixxerred l-idea perikoluża għal Muscat li ‘u iva mhux xorta, il-Labour se jibqa’ fil-Gvern.’

Il-ftuħ tal-kampanja ma kienx ħażin għalkemm xi ftit jew wisq nieqes mill-entużjażmu tal-folol li forsi l-PN se jħalli għal aktar tard.

X’kien l-agħar mument tal-kampanja tal-PN fl-ewwel sigħat?

Iktar minn mument, l-agħar aspett kien dak organizzattiv. Għal xi raġuni l-attività tal-ftuħ ma kinitx ikkomunikata lill-midja sa ftit qabel ma fil-fatt saret.

Dak il-famuż żball ortografiku, iktar milli aspett serju tal-kampanja juri nuqqas ta’ attenzjoni. Wieħed jista’ jaraha bħala xi ħaġa żgħira u ta’ ftit konsengwenza imma meta sar żball fuq billboard tal-Presidenza Maltija tal-UE, kien qed jintbagħat l-istess messaġġ: nuqqas ta’ esperjenza u/jew nuqqas ta’ professjonalità.

Il-PN jeħtieġ joqgħod ferm attent li ma jħallix żbalji żgħar bħal dawn jitfgħu d-duħħan fuq il-messaġġ tiegħu u fil-proċess jagħti l-istikka metaforika biex l-għadu (il-PL) isawtu biha.

X’se tkun l-akbar sfida tal-PN?

Bdejna billi għidna illi l-PN huwa underdog. Nagħlqu billi ngħidu li dan ifisser illi l-Partit Nazzjonalista għandu sfidi kbar biex imur tajjeb u ġganteski biex jirbaħ.

L-akbar sfida tal-PN iżda se tibqa’ Joseph Muscat u kif Adrian Delia se jipproġetta lilu nnifsu, kif se jwieġeb u kemm se jkun minn fuq fid-dibatitti li mistenni jkollu ma’ Muscat.

Minkejja li ċ-ċans li tirriżulta f’rebħa huwa ċkejken, jekk Delia jirnexxilu jagħti prestazzjoni tajba jew tajba ħafna f’dawn id-dibattiti jidħol fiċ-ċans li jibda realment inaqqar mill-vot Laburista.

Jekk jagħti prestazzjoni ħażina jkun qed iqawwi l-perċezzjoni diġà popolari li ma’ Joseph Muscat ma jlaħħaqx u li miegħu m’għandux ċans.

(Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tippubblika analiżi, ċifri u opinjonijiet matul il-Ħdud kollha li se jwassluna għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

More in Politika