‘Irrikattaw lill-partit, xlewni u għaddewni ġuri’

Eks Kunsillier Laburista tal-Imsida jiftaħ il-kanuni kontra l-partit li kien jirrappreżenta u sorsi fil-PL jikkonfermaw illi kważi l-kandidati kollha l-oħrajn irrikattaw lill-partit; jekk joħroġ Lino, nirtiraw aħna

Is-sitwazzjoni bejn il-Kunsillieri tal-Partit Laburista fl-Imsida tant kienet ħażina li sorsi mill-Partit Laburista li tkellmu mal-ILLUM sostnew illi l-maġġoranza tal-kandidati Laburisti Misidjani kienu lesti jiritiraw il-kandidatura tagħhom kieku l-partit ħalla lil Lino Bartolo jerġa’ jikkontesta. Dan l-attakk fuq kunsillier Laburista seħħ ftit qabel Bartolo rriżenja minn Kunsillier Laburista u ħabbar li se jibqa’ u jikkontesta bħala indipendenti. It-tluq ta’ Bartolo, li mal-ILLUM jiftaħ qalbu u jgħid li huwa mweġġa’ ħafna, tista’ faċilment tfisser li l-PL jitlef il-maġġoranza ta’ 27 vot biss li kiseb fl-2013 f’din il-lokalità.

Intant mal-ILLUM Bartolo jirriserva kliem qawwi ta’ kundanna għall-partit li kien jirrappreżenta. “Xlewni, akkużawni u għaddewni ġuri. Ikkundannawni u tawni sentenza mingħajr lanqas biss kellmuni.”

Mistoqsi minn din il-gazzetta, Bartolo sostna illi meta kellem lill-Prim Ministru Joseph Muscat u staqsieh għalfejn ingħata l-ġenb mill-partit li immilita fih ħajtu kollha, “qalli għax m’intix kapaċi taħdem mal-oħrajn u jien weġibtu ‘mela biex tkun team player trid taqbel f’kollox?’ u qalli kemm inħobb infettaq.”

Il-Labour għamel kalkolu li jwarrab lil Bartolo u ma jitlifx lil kandidati oħrajn

Imbikkem u pjuttost mweġġa Bartolo sostna li hu mhux ifettaq imma jrid li l-affarijiet isiru kif suppost. Tant hu hekk li persuni Misidjani jew li jafu lil Bartolo sew u li kellmu lil din il-gazzetta qalu illi huwa raġel rett u jistenna r-rettezza, forsi xi ftit iżżejjed xi kultant.

Ma’ din il-gazzetta Bartolo jgħid illi hu qal lil Muscat li mhu vera xejn li hu mhux lest jaħdem man-nies u kompla jirrakkonta d-diskursata ma’ Muscat. “Staqsieni jekk iniex lest naħdem u weġibt fil-pożittiv. Qalli li se jerġa’ jiddiskuti u daqshekk, ma kellimnix aktar.”

“Id-difensur tal-Kunsilliera Mario Fava qal li d-deċiżjoni hija finali, għidtlu tini raġuni għalfejn ma tridunix nerġa’ noħroġ. Sal-lum (jumejn wara r-riżenja) għadni ma rċevejt xejn. Dik demokrazija!” ilmenta Bartolo.

In-nuqqas ta’ Bartolo jista’ jkun il-fattur determinanti li jwassal biex il-Partit Laburista jitlef l-Imsida li fl-aħħar elezzjoni lokali fl-2013 rebaħ b’27 vot biss. Bartolo kien kiseb 200 vot u din kienet l-ewwel elezzjoni tiegħu.

‘Għandu problema ta’ attitudni ...’

Din il-gazzetta ma setgħetx tagħmel kuntatt ma’ Fava għalkemm is-sorsi fil-PL sostnew li l-problema ta’ Bartolo kienet illi dan kellu attitudni partikolari.

“Pereżempju, meta jkun hemm kwistjonijiet li l-Kunsillieri tal-PL ma jaqblux bejniethom dwarhom issir laqgħa qabel, biex għall-vot ikun hemm kunsens. Bartolo ġieli lanqas kien jattendi għal dawn il-laqgħat imbagħad jivvota kontra jew ma jaqbilx mal-kandidati fil-laqgħa tal-Kunsill.”

Is-sors, li ma xtaqx jissemma b’ismu, sostna illi Bartolo kien infurmat bid-deċiżjoni tal-partit u li l-partit għamel kalkolu politiku li jwarrab lil Bartolo biex ma jissaggrifikax il-kandidatura kollha u fil-proċess jaċċerta telfa fl-Imsida minħabba nuqqas ta’ kandidati.

Bartolo iżda jagħti angolu ieħor għall-istorja mal-ILLUM u jgħid illi s-Sindku kienet ilha tgħid li mhux ħierġa. “Jien kont se nkun fil-lista u kelli ċans nakkwista ħafna voti għax lili l-Misidjani wrewni li japprezzaw ix-xogħol tiegħi għax lili jsibu kuljum fil-Kunsill.”

Kompla jallega illi “donnhom lili ma ridunix għax jiena l-politika nħalliha fil-ġenb u allura għamlu r-rikatt mal-partit. Qalgħu lili ’l barra u l-PM ġiegħel lis-Sindku terġa’ toħroġ.”

“Jiena dejjem iddefendejt lin-nies tal-Imsida,” sostna Bartolo mal-ILLUM. “Ili 25 sena naħdem fil-Kunsilli. Din li saret kontrija hija konfoffa kontra... qatt ma stennejtha din. Il-PM ma kienx kapaċi jxejjen dan l-aġir. Jien ħiereġ bħala indipendenti u se nnaddaf ismi mal-poplu Misidjan.”

Lino Bartolo waqt funzjonni fil-Knisja tal-Imsoda
Lino Bartolo waqt funzjonni fil-Knisja tal-Imsoda

More in Politika