Frank Psaila jisħaq li jiġri x'jiġri Adrian Delia se jibqa' fit-tmun tal-PN

Frank Psaila b'messaġġ imqanqal waqt il-Kunsill Ġenerali waqt li insista li hu kien dejjem wara Adrian Delia u ħareġ għonqu għalih

F’messaġġ imqanqal waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidat Frank Psaila ddedika d-diskors tiegħu biex jisħaq li jiġri x’jiġri fil-25 ta’ Mejju, Adrian Delia se jibqa’ fit-tmun tal-partit.

“Appoġġ lili jfisser li Adrian Delia jkollu spalla,” saħaq Psaila waqt s-sala nfaqgħet iċċapċap u tgħajjat “Delia.”

“Jiena kont hawn fiż-żminijiet diffiċli. Ħriġt għonqi għalih u ma jiddispjaċini xejn...jien kont hemm, għadni hawn u se nibqa’ hawn bħalma se jibqa’ Adrian Delia, għax Adrian Delia is here to stay,” insista Psaila, b’botta sottili għal dawk, anke kandidati, li mhux dejjem appoġġjaw lill-Kap Nazzjonalista.

Kien hawn li appella lil dawk in-Nazzjonalisti li għadhom iħossuhom imweġġa’ biex jiskużaw lill-Partit Nazzjonalista. “Aħfrulna,” qalilhom Psaila waqt li indirizza wkoll lil dawk il-Laburisti li mhux kuntenti bil-mod kif qed jiggverna l-Gvern.

“Fil-25 ta’ Mejju mhux se nbiddlu l-Gvern, iżda nistgħu nagħtuh tbeżbiża,” qal Psaila waqt li rrepeta dak li fuqu qed jinsisti fuqu l-Partit Nazzjonalista.

Agħmel kuraġġ lin-Nazzjonalisti u insista: “Għandna żiemel fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.”

More in Politika