Tal-PD jinsew lid-Deputat Kap tagħhom ... se jkollu joħroġ indipendenti

Il-PD saħaq li xorta waħda se jkun wara u jappoġġja l-kandidatura ta' Timothy Alden

Il-Partit Demokratiku ħareġ stqarrija li fiha ammetta żball klerikali li ħa u li minħabba fih, il-Kummissjoni Elettorali ma setax jaċċetta n-nomina ta' Timothy Alden, Deputat Kap tal-PD, biex jikkontesta f'isem il-partit.

Għalhekk, Alden se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni, formalment bħala kandidat indipendenti għall-kunsill lokali ta' Tas-Sliema.

"Il-Partit Demokratiku xorta jibqa’ mija fil-mija wara d-deputat mexxej tiegħu fil-kampanja elettorali. Min-naħa tiegħu, is-Sur Alden, jekk ikun elett, se jibqa’ jirrappreżenta lill-Partit Demokratiku, waqt li jaħdem favur ir-residenti ta’ Tas-Sliema," saħaq il-Partit Demokratiku fl-istqarrija.

Min-naħa tiegħu, fuq Facebook, Alden spjega kif l-iżball kien tal-aġent li kellu jippreżenta lista sħiħa tal-kandidati lill-Kummissjoni Elettorali, meta dan nesa jniżżel ismu.

Huwa kkoreġa l-lista u reġa' ppreżentaha iżda ma setgħetx tittieħed inkonsiderazzjoni. "Burokrazija!" saħaq Alden.

Spjega kif hu appella d-deċiżjoni quddiem il-bord tal-Kummissjoni Elettorali li offra soluzzjoni, jiġifieri li xorta waħda jkun jista' jikkandida ruħu bħala kandidat indipendenti. 

"Ovvjament, jekk inkun elett, se nkun kunsillier tal-Partit Demokratiku," saħaq Alden waqt li spjega kif fuq il-karta tal-vot xorta waħda se jkun hemm imniżżel "Tal-Oranġjo" ħdejn ismu.

More in Politika