Ftehim bejn Malta u Shangai Electric għal aktar riċerka fis-setturi tal-ilma u l-enerġija

Il-Ministru Joe Mizzi saħaq li permezz ta’ din il-koperazzjoni Malta se tibqa’ fuq quddiem fl-użu ta’ teknoloġiji avvanzati fl-oqsma tal-ilma u l-enerġija

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, Joe Mizzi, matul iż-żjara li qed jagħmel fiċ-Ċina, iffirma memorandum of understanding mal-kumpanija Shanghai Electric Power, liema ftehim għandu jkabbar il-koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina fir-riċerka fis-setturi tal-ilma u l-enerġija.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim, se tiġi ffaċilitata riċerka konġunta bejn entitajiet Maltin u Shangai Electric Power, fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi bħal sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni tal-enerġija, produzzjoni ta’ enerġija alternattiva u teknoloġiji ta’ produzzjoni u immaniġjar tal-ilma.

Il-Ministru Joe Mizzi saħaq li permezz ta’ din il-koperazzjoni, se jkun żgurat li l-oqsma tal-ilma u l-enerġija, Malta se tibqa’ fuq quddiem fl-użu ta’ teknoloġiji avvanzati li jiżguraw effiċjenza u sostenibilità.

Matul iż-żjara tiegħu fiċ-Ċina, il-Ministru Joe Mizzi indirizza ċ-ċerimonja inawgurali tal-Belt and Road Energy Partnership.

More in Politika