'Meta jgħidulkom x'ħadtu mis-surplus ftakru fiċ-ċekkijiet'

Il-Prim Ministru jisħaq li s-surplus qed jintuża sabiex jintranġaw l-iżbalji tal-passat

Illejla fid-diskors tiegħu fl-Imsida, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li s-surplus li Malta irnexxilha tagħmel għat-tielet sena qed ‘jintuża sabiex, "jintranġaw l-iżbalji tal-passat."

Muscat stqarr li minkejja s-surplus xorta tibqa' l-mistoqsija ta', x'qed jimaterjaliżża b’dan il-ġid. Fuq din il-Prim Ministru saħaq li, “is-surplus qed jintuża bl-għan li jiġu kkorreġuti żbalji li saru minn ħaddieħor fil-passat. Meta jgħidilkom x’ħadna mis-surplus ftakru fiċ-ċekkijiet tat-taxxa, fiċ-ċekkijiet tal-Korpi u tal-pensjonanti. Ftakru fil-proġetti tat-toroq u kemm il-vjaġġ lejn ix-xogħol se jkun eħfef u ftakru fil-flus li frankajtu miċ-Child Care u servizz ta’ trasport skolastiku b’xejn," sostna Muscat.

Fuq l-istess nota, Muscat żvela li fiż-żmien li ġej se jkomplu jintbagħtu ċ-ċekkijiet lill-ħaddiema tal-Korpi li kienu dovuti flus tas-sahra li kienu għamlu fil-passat u li baqgħu ma tħallsux għalihom.

“6,000 persuna se jerġgħu jirċievu ċ-ċekkijiet u bejniethom se jieħdu mal-€11-il miljun … Illum qed nitkellmu dwar x’tista' tieħu qabel konna nitkellmu dwar x’se joħodli,” saħaq Muscat.

Żied jgħid li biex il-pajjiż ikun kapaċi jasal għal soluzzjonijiet bħal tal-Korpi jeħtieġ li l-ekonomija tibqa’ trendi. 

Intant, Muscat żvela li waħda mill-proposti fil-manifest tal-lokalità tal-Msida se tkun qed tiratta dwar it-tisbiħ tax-xatt tal-Msida. Skontu l-Gvern se jkun qed jaħdem biex jiġi rranġat dan ix-xatt flimkien ma' diversi toroq fil-lokalità.

 

More in Politika