Cassola jakkuża lil Xarabank li qed 'jilgħaq' ħames kandidati tal-PN u l-PL

Dan wara li ġie mistieden għal dibattitu iżda ntalab joqgħod fl-udjenza u jagħmel intervent ta' 4 minuti

Il-kandidat indipendenti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola għamel ilment uffiċjali mal-Awtorita tax-Xandir dwar dak li qed isejjaħ bħala trattament “degredanti,” mill-programm Xarabank.

F’imejl li bagħat lil Mark Lawrence Zammit u li bagħtha wkoll lill-kmamar tal-aħbarijiet, Arnold Cassola saħaq li huwa tal-mistħija kif f’kampanja elettorali, Xarabank “qiegħed jagħti vantaġġ lil ħames kandidati partikolari tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Nazzjonalista.”

Dan wara li fl-imejl mibgħuta lil Cassola, Xarabank infurmawh li dawn il-kandidati se jkunu qed jiddibattu fuq podium, filwaqt li l-kandidati indipendenti u tal-partiti ż-żgħar se jkunu preżenti mal-udjenza, iżda mhux fuq podium u jistgħu jagħmlu intervent meta jridu.

Fi kliem Cassola, mhux se jaċċetta li dawn il-kandidati jiġu trattati ta’ ‘film extras’ għal dawn ‘l-istars’

“Lanqas għandkom idea ta’ x’inhuma dinjità u rispett bażiku uman,” saħaq Cassola. “Dan huwa lagħqiżmu li ma jixraqx lill-ġurnaliżmu serju f’soċjetà tabilħaqq demokratika u pluralistika.

L-imejl mibgħuta minn Xarabank lil Arnold Cassola
L-imejl mibgħuta minn Xarabank lil Arnold Cassola

Fl-imejl mibgħuta minn Xarabank, il-Professur Cassola kien mistieden għal dibattitu li se jsir il-Ġimgħa 10 ta' Mejju iżda biex joqgħod bilqiegħda fl-udjenza ma’ kandidati oħra u jkun jista’ jagħmel intervent ta’ 4 minuti.

“Il-programm se jkun imqassam fi 3 dibattiti differenti. Kull dibattitu jkun bejn MEP mill-PL u MEP mill-PN. Inti tista' tagħmel l-intervent f'ħin li tagħżel inti waqt wieħed mid-dibattiti,” tgħid l-imejl.

Id-dibattiti, skont l-imejl mibgħuta lil Cassola, se jkunu mqassmin hekk:

  • Alfred Sant - David Casa
  • Miriam Dalli - Roberta Metsola
  • Francis Zammit Dimech - Marlene Mizzi

“Din qed nagħmluha biex nagħtu opportunità lill-partiti ż-żgħar u lill-kandidati indipendenti jiddiskutu direttament ma' kandidati mill-Gvern u l-Oppożizzjoni,” spjega Mark Lawrence Zammit.

More in Politika