Skont VoteWatch Miriam Dalli hija l-aktar MEP Maltija influwenti

Dalli hi wkoll l-unika Maltija li tinsab fuq din il-lista ta’ 100 MEP mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea

Għal darb’oħra, l-Ewroparlamentari Miriam Dalli kienet ikkonfermata bħala l-aktar Membru tal-Parlament Ewropew Maltija influwenti matul din il-leġislatura.

Apparti minn hekk, Dr Dalli hi wkoll l-unika Maltija li tinsab fuq din il-lista ta’ 100 MEP mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, miġbura minn VoteWatch Europe.

“Riżultati bħal dawn ikomplu jimluni b’enerġija u entużjażmu biex inżid fil-ħidma għaċ-ċittadini,” qalet Miriam Dalli fi stqarrija. “Li għal VoteWatch Europe jien l-aktar MEP influwenti Maltija jfisser biss responsabilità akbar biex inġib l-interess ta’ pajjiżi qabel kull interess ieħor.”

Din mhux l-ewwel darba li l-MEP tal-Partit Laburista ġiet iddikjarata bħalha politiku influwenti fuq livell Ewropew.

Apparti r-rikonoxximenti differenti li ngħatat tul din il-leġislatura, inkluż fil-qasam tas-saħħa u t-tibdil fil-klima,  il-ġurnal influwenti Politico sejjaħ lil Miriam Dalli bħala waħda mit-28 persuna mill-Unjoni Ewropea li se jkunu qed jinfluwenzaw il-politika tul din is-sena.

Hi ngħatat ukoll it-titlu ta’ Politico 40, li poġġieha fost 40 Membru tal-Parlament Ewropew li għamlu d-differenza bejn l-2014 u l-2019.

More in Politika