'Il-pazjenti se jbatu minħabba t-taħwid tal-Gvern' - PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kkritika l-fatt li x-xogħol fuq il-hub tas-saħħa f'Raħal Ġdid għadu fl-ewwel fażi tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li minħabba dak li sejjaħ bħala taħwid fil-proċess tat-tenders fil-kuntratt għall-bini ta' hub tas-saħħa f'Raħal Ġdid, il-pazjenti u l-professjonisti qed jesperjenza dewmien esaġerat fit-titjib tal-kura primarja.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista li l-Partit Laburista kien se jonfoq €4 miljun żejda ta' flus il-poplu Malti.

Fakkar li l-Qorti tal-appell kienet ikkonfermat dan it-taħwid meta qalet li kien hemm dubji serji fuq il-process tat-tender.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa' favur kull pass li jista' jsir sabiex jittejjeb il-qasam tas-saħħa, se tkompli tħares ukoll l-interessi tal-poplu Malti u li flus il-poplu fil-qasam tas-saħħa jintużaw b'mod tajjeb,” saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Kompla jisħaq li “minflok propaganda,” il-Ministru Fearne imissu qal li flok hub mibni fi żmien xieraq, ħa jkunu l-pazjenti li se jbatu wara dewmien fix-xogħol minħabba dan it-taħwid tal-Gvern.

“Il-Gvern Soċjalista għandu storja twila ta' tbagħbis u taħwid fuq tenders u kuntratti fil-qasam tas-saħħa. Il-każ klassiku huwa l-bejgħ ta' tliet sptarijiet lil Vitals, li ma kellhom l-ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa. In-nies għadhom qed jistaqsu fejn marru l-€50 miljun li l-Gvern ta lil Vitals meta dawn ma għamlu xejn. Kien ghalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar il-Qorti sabiex il-poplu Maltin u Għawdxi jikseb lura l-isptarijiet tiegħu,” temmet tfakkar l-istqarrija.

 

More in Politika