'Il-proġett tal-fibre optic cable bejn il-gżejjer se jattira aktar investiment lejn Għawdex' - PM

Muscat qal li proġetti bħal dawn se jikkumplimentaw il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li kumpaniji li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija ma setgħux jinvestu f’Għawdex jekk ma jkunx assigurat li l-gżira Għawdxija jkollha konnettività diġitali ta’ min joqgħod fuqha matul is-sena kollha.

Huwa qal dan waqt it-tnedija tal-proġett tal-fibre optic cable bejn Malta u Għawdex li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ il-konnettività diġitali f’Għawdex.

Waqt li tkellem fuq l-iżvilupp ta’ Għawdex u kif fl-aħħar sitt snin il-Gvern ħadem biex isaħħaħ il-potenzjal tiegħu, il-Prim Ministru insista li konnettività diġitali aħjar kien il-pass naturali li jmiss.

Kien hawn li l-Prim Ministru semma l-Gozo Innovation Hub u insista li dan ma kienx ikun sostenibbli mingħajr konettività b’saħħitha u magħha sistema ta’ emerġenza li tidħol fis-seħħ f’każ li jkun hemm bżonn.

“Għal kumpaniji li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija, konnettività b’saħħitha u effiċjenti hija neċessarja,” qal il-Prim Minsitru waqt li insista li dan se jkun assigurat b’dan il-proġett.

Kompla jispjega kif ir-riżultat ta’ dan l-investiment ta’ €3.5 miljun minn fondi nazzjonali diġà qed iħalli l-frott waqt li fakkar li x-xahar li għadda, il-Gvern ħabbar l-investiment li Noovle, kumpanija sieħba ta’ Google Cloud, se tkun qed tagħmel f’dan il-hub.

Dan kollu jfisser aktar xogħlijiet ta’ kwalità f’Għawdex saħaq il-Prim Ministru.

Semma wkoll il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex li fi kliemu se tkun qed tikkumplimenta dan il-proġett mhux biss għax se żżid il-konnettività bejn il-gżejjer iżda anke għax fi kliemu se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.

 

'L-ewwel fażi tal-proġett diġà lesta...'

Waqt it-tnedija tal-proġett tkellem ukoll, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Elettra, sussidjarja tal-kumpanija Orange, li rebħet it-tender għall-proġett tal-fibre optic cable bejn Malta u Għawdex. Huwa saħaq li dan se jkun proġett li se jsaħħaħ l-infrastruttura diġitali f'Għawdex.

Huwa saħaq li ma jagħmilx sens li jkollhom l-aqwa sistemi ta’ 4G jew 5G mingħajr ma jkollhom konnettività b’saħħitha.

Tkellem ukoll fuq id-diversi proġetti li l-kumpanija tiegħu ħadmet madwar id-dinja, fosthom anke fiċ-Ċilì u fl-Indonesja fejn irnexxielha twassal it-teknoloġija diġitali f'postijiet fejn kienet għadha ma waslitx.

Huwa insista li l-esperjenza globali tal-kumpanija tiegħu u l-ħidma konġunta ma' kumpaniji oħra, anke Maltin (Joseph Cachia & Son), se tkun assigurazzjoni li dan il-proġett ikun suċċess.

Spjega kif l-ewwel pass tal-proġett kien is-survey li sar fl-aħħar xhur biex kienet stabbilità r-rotta li minnha se jkun qiegħed jgħaddi dan il-cable li diġà ġie ordnat ukoll. 

B'kollox, se jkunu installati 24 fibre optic cables fuq total ta' 20.7 kilometri. Spjega wkoll kif dan se jfisser li dan il-cable se jkun jista' jipproċessa ammont kbir ta' data.

Għat-tnedija li saret fil-lukanda Kempinski f'San Lawrenz attendew ukoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għall-Ekonomija u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

More in Politika