Il-Ministru Borg jiddiskuti l-mina bejn Malta u Għawdex mal-Ministru għat-Trasport ta' Franza

Sistema ta' metro kienet ukoll fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet li kellu l-Ministru Borg fi Franza

Waqt żjara uffiċjali f’Pariġi, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg iddiskuta diversi proġetti infrastrutturali, fosthom anke l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex mal-Ministru għat-Trasport ta’ Franza Elisabeth Borne.

Fost oħrajn, iż-żewġ Ministri tkellmu wkoll dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, it-trasport marittimu u suġġetti ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi, fosthom il-prijoritajiet tal-Kummissjoni u l-pakkett tal-mobbiltà.

Waqt l-istess żjara, il-Ministru Borg attenda wkoll laqgħa mad-Direttorat għall-Immaniġġjar tan-Network Nazzjonali tat-Toroq fi Franza fejn ġew diskussi diversi aspetti relatati ma’ dan is-suġġett fir-rigward taż-żewġ pajjiżi kif ukoll laqgħa mal-Federazzjoni Nazzjonali tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi Franza u mal-Federazzjoni Franċiża tal-Imprendituri Internazzjonali, fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ kuntratturi u kumpaniji tal-inġinerija.

Waqt din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ suġġetti importanti għal pajjiżna, fosthom il-mini fin-network tat-toroq, il-bini mill-ġdid tat-toroq u pjanijiet għall-Port il-Kbir tal-Belt Valletta.

Il-Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ wkoll mas-Société du Grand Paris fejn ipparteċipa f’diskussjonijiet dwar il-proġett Franċiż għal metro filwaqt li pparteċipa wkoll f’diskussjonijiet ma’ EGIS flimkien ma’ numru ta’ esperti, fejn ġew diskussi diversi kunċetti dwar mini, modi ta’ operat u anke s-sistema tal-metro.

Wara din il-laqgħa, il-Ministru Borg kellu l-opportunità jżur is-sit tal-kostruzzjoni ta’ mina li qiegħda ssir minn EGIS.

More in Politika