Jieqaf jaħdem impjant tad-drenaġġ minħabba rimi illegali ta' demel u ħmieġ tal-annimali

Il-Korporazzjoni qalet li ħmieġ uman u karta iġenika biss jistgħu jintefgħu fis-sistema

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha twaqqaf l-operat tal-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ta’ Barkat minħabba kwantità kbira ta’ demel u ħmieġ tal-annimali.

Minħabba dan ir-rimi illegali, partijiet kruċjali tal-proċess, partikolarment fejn hemm l-għeriebel, kienu mblokkati u jeħtieġu tindif immedjat.

Għalhekk, il-produzzjoni magħrufa bħala ‘New Water’ kellha titwaqqaf sakemm din is-sitwazzjoni tistabilizza ruħha matul il-ħamest ijiem li ġejjin.

“Il-ħaddiema tal-Korporazzjoni qed jagħmlu l-almu tagħhom biex dan l-inkonvenjent jitnaqqas kemm jista’ jkun biex l-operat jiġi lura għan-normal fl-inqas żmien possibbli,” qalet il-Korporazzjoni fi stqarrija.

Spjegat ukoll li l-infrastruttura tad-drenaġġ hija kumplessa ħafna u delikata u jista’ jiġrilha l-ħsara jekk ma tintużax b'mod xieraq.

“Ħmieġ uman u karta iġenika biss jistgħu jintefgħu fis-sistema,” insistiet il-Korporazzjoni.

Intant, il-Korporazzjoni għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan.

More in Politika