Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Nhar it-Tlieta nkunu nafu jekk pajjiżna għamilx surplus għat-tielet darba' - Muscat

Il-PM Muscat jgħid illi biex tikkontesta elezzjoni jrid ikollok programm ċar ...

Albert Gauci Cunningham / 22 t'April 2019 22:14
Il-PM Joseph Muscat ilejla fuq ONE
Waqt programm ilejla fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat sostna illi kwalunkwe partit jeħtieġ jikkontesta elezzjoni "bi programm ċar."

 Muscat sostna:  “Għax int ma tista’ tikkontesta l-ebda elezzjoni billi tgħid ivvotawli għax jien kontra ħaddieħor. Jew ivvotawli għax dak ħażin. Int trid li twettaq, li jkollok programm, li jkollok l-idea u li jkollok is-suġġerimenti dwar x’tista’ tagħmel,” qal il-Prim Ministru, li tkellem dwar il-pjan ta’ ħidma għall-pajjiż li għandu l-gvern.

“Ta’ kuljum nafu x’wiegħdna lin-nies u ta’ kuljum naraw li nwettquh,” żied Joseph Muscat, li fisser kif meta tmur quddiem in-nies trid tmur b’offerta. Hawn qal li l-Partit Laburista għandu kemm proposti fuq livell nazzjonali u anke fuq livell lokali.

“Se ngħidu lin-nies x’se nkunu qed inwettqu fuq bażi nazzjonali, iżda anke fil-lokalitajiet tagħna. Għandna manifest elettorali f’kull lokalità,” spjega l-Prim Ministru, li fisser kif dan huwa riżultat ta’ proċess u ta’ konsultazzjoni twila.

“Flimkien ma’ proposti ġenerali li fil-fehma tiegħi se jagħmlu ġid kbir lill-lokalitajiet, saħaq  Joseph Muscat.

Hawn tkellem dwar il-bżonn li kulħadd jiġbed il-ħabel tal-pajjiż. “Aħna naħdmu favur pajjiżna mhux skont min ikun fil-gvern. Naħdmu favur pajjiżna jkun min ikun fil-gvern,” żied Joseph Muscat.

Joseph Muscat stqarr li, “l-25 ta’ Mejju huwa mument fejn il-poplu jrid jagħti l-ġudizzju tiegħu fuq ix-xogħol tal-Membri Parlamentari Ewropew.... iktar minn hekk il-poplu se jkun qed jiġġudika fuq l-attitudni. Mhux biżzejjed li tgħid li trid taħdem flimkien għal-pajjiż. Il-kwstjoni hija ta’ kif taħdem ta’ kuljum.”

Tkellem dwar kif filwaqt li kulħadd jaċċetta li l-Membri Parlamentari Ewropew huwa fix-xogħol tagħhom li jkuni viġilanti għall-gvern tal-ġurnata, li ma jistennewx huwa sitwazzjoni li jkun hemm min, biex mingħalih jilħaq xi skop partiġjan ikasbar għalxejn isem pajjiżna. 

Il-Prim Ministru spjega kif fis-sigħat li ġejjin toħroġ statistika importanti dwar il-finanzi tal-pajjiż.

“Għada toħroġ l-istatistika uffiċjali mill-Ewropa dwar il-finanzi tal-pajjiż biex naraw jekk irnexxilnix nagħmlu surplus jew le,” qal Joseph Muscat, li fakkar kif il-gvern daħħal kelma ġdida fil-vokabularju Malti. “Illum għandna surplus, issa għada nkunu nafu jekk irnexxilnix li ngħamluh għat-tielet sena wara l-oħra,” qal il-Prim Ministru, li spjega kif is-surplus sar filwaqt li żdied l-investiment fil-pajjiż u fin-nies.

“Żidna l-pensjonijiet għal sena fuq oħra. Mhux biżżejjed. Irridu nżidu l-benefiċċji u ngħinu lil min qiegħed fil-kera,” qal Joseph Muscat, li spjega wkoll kif għaddejja ħidma fuq wegħdiet bħal, li min għandu iktar minn 40 sena jixtri l-proprjeta tiegħu.

Mistoqsi dwar il-25 ta’ Mejju, Joseph Muscat fakkar li se  jivvotaw għall-ewwel darba żgħażagħ ta’ 16-il sena.

“Jivvotaw lil min iridu... l-iktar rigal importanti li joħorġu jivvotaw. Ma jagħtux raġun lil min kien jgħidilna tagħtux vot lit-tfal ta’ 16 u 17-il sena għax dawk ma jifmux,” qal Joseph Muscat.

Tenna kemm huwa diffiċli li partit politiku jtella’ erba siġġjiet.  “Insew din l-idea li l-Partit Laburista se jtella’ erba’ siġġijiet. Statistikament hija kważi impossibbli. Iġġib kemm iġġib fl-ewwel count iridu jintirtu l-voti,” qal Joseph Muscat.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook