'F'Mejju mhux se nwaqqgħu Gvern iżda nistgħu nbiddlu d-direzzjoni li ħa' - Delia

Illejla l-Partit Nazzjonalista nieda uffiċjalment il-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet ta' Mejju li ġej

Il-tmexxija tal-PN u l-kandidati kollha
Il-tmexxija tal-PN u l-kandidati kollha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista li f'Mejju li ġej, l-elettoral mhux se jbiddel il-Gvern iżda jista' jbiddel id-direzzjoni li ħa.

Adrian Delia qal dan waqt li llejla l-Partit Nazzjonalista nieda l-kampanja elettorali tiegħu, bit-tema: "Flimkien għal Pajjiżna," kampanja li minn kliem Delia u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli jidher li se tkun qed tiffoka aktar fuq kwistjonijiet nazzjonali, aktar milli dawk Ewropej.

Tul id-diskors tiegħu, kif għamel qablu Clyde Puli (aqra aktar 'l isfel), Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista, filwaqt li se jitkellem fuq kif fi kliemu l-Gvern ma jimpurtahx minn persuni vulnerabbli, fosthom mill-pensjonanti u persuni bi problemi ta' saħħa mentali, insista li mhux se jiddejjaq lanqas jitkellem fuq il-korruzzjoni.

Adrian Delia insista li rapport wara l-ieħor qed jikkundanna lill-Gvern Malti, li fi kliemu ħataf l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, indikazzjoni li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni se terġa' tkun parti integrali minn din il-kampanja.

Huwa fakkar kif fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista nieda diversi proposti konkreti fosthom għall-bdiewa, biex jirċievu aktar għajnuniet biex isaħħu u jkabbru aktar il-prodott Malti, għall-kanċer, biex il-pazjenti jirċievu kura aħjar u għall-ambjent li fi kliemu qatt ma kien ikkalpestat daqs dan iż-żmien.

Il-Kap Nazzjonalista insista li kif għamel tul dawn l-aħħar ġimgħat, matul il-kampanja se jkompli jispjega l-proposti tiegħu.

Dwar il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Delia insista li dawn se jibqgħu jaħdmu biex jiddefendu isem Malta iżda anke favur liġijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u li eventwalment isiru parti mil-liġi ta' Malta.

Irringrazzja wkoll lill-kandidati tal-Kunsilli Lokali u insista li dawn se jkunu l-leħen ta' ħafna Maltin u Għawdxin.

"Bil-vot tagħkom nistgħu nagħtu vuċi u nifs lill-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet," saħaq Adrian Delia waqt li insista li fejn se jkun fil-maġġoranza, il-PN se juri li kapaċi jiggverna u fejn se jkun fil-minoranza se juri li kapaċi jkun oppożizzjoni b'saħħitha.

Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista qal li l-messaġġ ewlieni li l-Partit Nazzjonalista jrid li jwassal tul dan ix-xahar huwa li jista' jagħmel differenza.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Delia insista li f'Mejju li ġej, l-elettorat jista' jagħmel id-differenza u jbiddel id-direzzjoni li ħa l-Gvern.

"Mhux se nbiddlu mil-lum għall-għada, iżda se nagħmlu l-ewwel pass," insista Delia.

Temm jinsisti li l-Partit Nazzjonalista se jknu il-vuċi ta' dawk vulnerabbli u li fl kliemu, il-Partit Laburista (li l-PN qed jirreferi għalih bħala l-Partit Soċjalista) ma għadux jirrappreżentah.

"Dan kollu nistgħu niksbuh mhux waħedna imma flimkien," temm jisħaq Delia.

'Lil kandidati ma offrejnilhom xejn...offrejnilhom biss li jkunu flimkien għal pajjiżna'
'Lil kandidati ma offrejnilhom xejn...offrejnilhom biss li jkunu flimkien għal pajjiżna'

'Il-pajjiż jista' joħloq il-ġid mingħajr il-ħmieġ'

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli saħaq li f’din il-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jitkellem fuq l-isfidi li għaddej minnhom il-pajjiż, se jipproponi soluzzjonijiet u bħal Delia insista li mhux se jiddejjaq jitkellem lanqas dwar il-korruzzjoni.

Puli insista li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-pajjiż jista’ joħloq il-ġid mingħajr il-ħmieġ waqt li insista li l-korruzzjoni qed tiswa lill-pajjiż €725,000,000 miljun fis-sena.

Waqt din it-tnedija tal-kampanja elettorali, Puli ppreżenta l-10 kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew u l-295 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

"Lil dawn ma offrejnilhom xejn. Offrejnilhom biss li jkunu flimkien għal pajjiżna," insista Puli.

Fakkar li nhar il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista se jkun qed japprova l-programm elettorali tiegħu u li l-Kunsill Ġenerali se jkun indirizzat minn Manfred Weber, kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Elettorali.

Il-PN għandu 10 kandidati għall-Parlament Ewropew u 295 għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali
Il-PN għandu 10 kandidati għall-Parlament Ewropew u 295 għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali

X'ġara fl-aħħar sigħat?

Il-Partit Nazzjonalista beda l-kampanja tiegħu tard ilbieraħ filgħaxija fejn tella' l-ewwel billboards tiegħu.

It-tema li għażel il-Partit Nazzjonalista hija: "Flimkien għal Pajjiżna" u tispikka l-arma tal-Partit Nazzjonalista ddisinjata mill-ġdid u li issa ilha tintuża għal dawn l-aħħar xhur.

Intant, il-billboards li tella' l-Partit Nazzjonalista matul dan il-lejl kienu jiffukaw fuq il-korruzzjoni, il-pensjonijiet u l-għoli tal-ħajja bil-messaġġ ewlieni li jrid iwassal il-Partit Nazzjonalista huwa: "Gvern li ma jimpurtahx."

Madanakollu, kif żvela llum is-sit illum.com.mt, din l-istrateġija ma tantx niżlet tajjeb ma' wħud mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista b'uħud jinsistu li l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn u qed jibqa' jirrepeti l-istess "kantaliena."

Puli kellu jfiehem li l-korruzzjoni għadha kwistjoni li n-nies qed titkellem fuqha u għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax jinjoraha għal kollox, filwaqt li wissa lill-esponenti biex ma jaqgħux għall-propaganda tal-Partit Laburista.

Ma naqsux ukoll il-battibekki bejn il-partiti wara żball ortografiku li l-Partit Nazzjonalista ħa f'wieħed mill-billboards tiegħu u li wassal lill-Partit Laburista biex itella' billboards biex jgħaddih biż-żufjett.

 

More in Politika