Sid ta' kumpanija Maltija tal-iGaming suspettat li ħasel flus tal-mafja

L-akkużat kien arrestat wara Mandat ta' Arrest Ewropew u l-awtoritajiet Taljani qed jitolbu għall-estradizzjoni tiegħu

Is-sid Taljan ta’ kumpanija bbażata f’Malta tal-iGaming, suspettata li kienet qed taħsel flus li kienu ġejjin mill-mafja, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien ġie arrestat fuq bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew.

L-akkużat, li għandu 43 sena u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, deher quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima dalgħodu.

L-Ispetturi Mark Galea u l-avukat Matthew Xuereb spjegaw kif ir-raġel ġie arrestat fi Swieqi wara Mandat ta’ Arrest Ewropew u talba għall-estradizzjoni tiegħu minn Qorti f’Reggio Calabria fl-Italja.

Ir-raġel kien imfittex mill-awtoritajiet Taljani bil-għan li jwieġeb għal akkużi dwar ħasil ta’ flus mafjużi permezz tal-kumpanija tiegħu.

L-avukat Arthur Azzopardi talab li isem ir-raġel ma jkunx imxandar għax għalkemm fl-Italja huma komuni, f’Malta mhuwiex u għax il-kumpanija tal-akkużat timpjega madwar 80 persuna u għalhekk id-dħul tagħhom jista’ jispiċċa mhedded.

Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest anke għax ir-raġel ikkopera mal-Pulizija.

“F’Diċembru li għadda, hu flimkien mal-avukati tiegħu fl-Italja u Malta tkellmu mal-Europol biex ikunu infurmati meta joħroġ il-mandat ta’ arrest. L-awtoritajiet Taljani kienu jafu li jgħix Malta u hu jħallas it-taxxa tal-gaming fl-Italja. Għandu proprjetà f’Malta u anke impjegati. Kien ilu jaf dwar il-mandat ta’ arrest minn Diċembru u kellu biżżejjed żmien biex jaħrab,” saħaq l-Avukat.

Madanakollu, l-Avukat Matthew Xuereb insista li l-akkużat kien skonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs fl-Italja u saħaq li għadu kmieni wisq biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Azzopardi reġa’ insista li r-raġel għandu rabtiet f’Malta u kien lest iħallas biex ikun hemm pulizija għassa mad-dar tiegħu.

Madanakollu, f’dan l-istadju, il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm arrestat.

More in Politika